L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Bħalma jħenn il-Missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab”. Is-salmi huma ġabra ta’ poeżiji li fl-osservazzjoni li għamel il-Papa Girgor il-Kbir, bihom Alla nqeda biex jagħtina għodda ħalli nkunu nistgħu nfaħħruh, nitolbuh, ingergru miegħu, u nitolbuh l-għajnuna.

Oliver xorob qatigħ minn l-għajn safja tal-Kelma ta’ Alla li parti kbira minnha hija letteratura straordinarja. Hemm espressjoni mill-iktar għolja tal-poeżija li ħolqot l-umanità. F’dan il-każ tal-Kelma ta’ Alla hija poeżija mnebbħa u aħna addirittura nsejħulha l-Kelma ta’ Alla, Verbum Dei.

Oliver kiteb xi poeżija jew tnejn. Minflok nagħmel xi fotokopji biex insalva xi siġra jew tnejn, ġibt il-volum tal-poeżiji miġbura tiegħu li għalija huwa teżor prezzjuż. Kif tafu, inqraw xi wħud minnhom anke l-Università fit-tislima li ngħatatlu fl-ambjent li tant ħabb u li permezz tiegħu tant resaq lejn l-imħuħ u lejn qlub. Fit-tislima li ngħatatlu fl-Università nqraw u ġew anke strumentillazzati wħud minn dawn il-ħajku.

Oliver kien jaf li l-poeżija, il-maturità, u l-għerf jgħaddu mill-għarbiel tat-tbatija. F’waħda minn dawn il-ħajku jikteb: “Bid-dmugħ tissaqqa kuljum il-mistoqsija u kuljum tikber”. Il-mistqosija. Hu kien jaf ukoll li l-għerf ifisser li mhux bilfors ikollok risposta għall-mistoqsija imma li tkun kapaċi tagħmillha huwa diġà don.

“Imut poeta,” kiteb “u wrajh iħalli xkora ta’ sentimenti”. U aħna, illum, bħala nazzjon, bħala Maltin, parti minn din l-ixkora ta’ sentimenti li ħalliet warajha l-mewt tal-poeta Oliver. Ħabb “lil omm li tatna isimha” (vers mill-Innu Malti), imma kiteb ukoll: “L-imħabba tinżel mill-omm għat-tfal bil-ħeffa, biex titla’, tbati”.  

Il-profeta huwa dak li jkellimna f’isem ideali kbar u li fostna ħafna drabi nħossuh preżenza skomda.

Dan il-ħajku ta’ Oliver nixtieq nużah bħala spunt ta’ riflessjoni għalina li rċevejna mill-għeruq tagħna l-imħabba tal-omm li tatna isimha. L-imħabba li fl-għerf ta’ Oliver tinżel mill-omm għat-tfal bil-ħeffa, imma biex titla’, biex aħna nitgħallmu tassew inħobbu lill-art li tatna isimha, “dik l-imħabba,” jgħid Oliver, “tbati biex titla’”, tbati biex aħna, ulied Malta, nitgħallmu tassew inħobbuha.

Imma f’din id-daqqa li tinfidlek qalbek, hemm ukoll umoriżmu li jerfgħek, ma jweġġgħekx, imma bħall-iskarpell tal-kirurgu, jolqtok biex ifejqek. Għax, wara kollox, il-profeta wkoll hu poeta u l-poeta huwa wkoll profeta. Il-profeta huwa dak li jkellimna f’isem ideali kbar u li fostna ħafna drabi nħossuh preżenza skomda. Imma meta jgħaddi l-istaġun tiegħu nirrealizzaw xi tlifna; xi ħadd li bi mħabba kellimna bil-verità, bl-onestà intellettwali, bl-umiltà ta’ ħabib imma bi kjarezza ta’ min jara u jifhem.

Dan l-għerf ta’ Oliver ġie minn don kbir ta’ osservazzjoni tal-umanità. L-umanità — u nimmaġina anke lilu nnifsu meta kien iħares fil-mera — tgħallem japprezzaha b’ċerta ironija imma wkoll b’simpatija kbira. Bħalma jgħid is-Salm: “Kien jaf min xiex aħna maġgħunin” U għalhekk kellu polemika ħelwa ma’ Darwin li kien jgħid u pprova li aħna mnisslin mix-xadini, għax mid-dehra Oliver kellu rispett kbir lejn ix-xadini u f’wieħed mill-ħajku tiegħu jikteb: “Qablu x-xadini li ma jilqgħux lil Darwin fir-razza tagħhom”. Ix-xadini ħadu għalihom meta ħarsu lejn il-bluha u l-ħmerijiet tagħna. “Kemm huma psataż dawn ix-xadini, jagħmlu eżatt bħall-bniedem,” jikteb Oliver.

Xi ħadd li bi mħabba kellimna bil-verità, bl-onestà intellettwali, bl-umiltà ta’ ħabib imma bi kjarezza ta’ min jara u jifhem.

Ħin minnhom iddeskriva ruħu bħala bniedem li tgħallem ikun moderat għaliex tgħallem iħares lejn dak kollu li jinseġ ir-ruħ u s-soċjetà Maltija u japprezza d-dawl u d-dellijiet. Imma ma nafux jiddemonizza lil xi ħadd, jitkellem ċar iva, iweġġa’ qatt. Aħna ltqajna hawnhekk, f’dan it-tempju maestuż, biex nagħtuh tislima Nisranija.

Illum Oliver iltaqa’ ma’ sidu, iltaqa’ mar-realtà vera li fittex dik il-mistoqsija li tħallik sieket, bla risposta.

Il-Knisja f’Malta hi grata lejn Oliver għall-patrimonju kbir li ta fl-għajnijiet reliġjużi li aħna nkantaw ta’ spiss fl-istaġuni liturġiċi tagħna. Kiteb innu sabiħ tal-offertorju fil-quddiesa tal-mejtin li jiġbor mhux biss il-fidi tagħna imma wkoll il-fidi tiegħu: “Aħna nemmnu li l-mewt ta’ ġisimna mhix il-qerda li twassal fix-xejn. Mhix ħafifa, Mulej, din il-firda, iżda kelmtek tixgħelna bil-ferħ. Tħalliniex imnikktin nibku l-qerda ta’ laħamna li jerġa’ jsir trab. Il-mewt tagħna ddaħħalna fir-raqda li troddilna mill-ġdid il-mistrieħ. Imla ħsiebna bil-ferħ tal-ġejjieni u mexxina fit-triq tal-qawmien. Għax il-mewt mhix it-tmiem iżda l-bidu ta’ ħajja oħra sabiħa, bla dmugħ. Inti wegħedtna, Mulej, li se tgħasses u tfarraġna fir-raqda tal-mewt, inti rbaħt fuq il-mewt u aħna bħalek, għad insaltnu rebbieħa bla tmiem”.

Illum Oliver iltaqa’ ma’ sidu, iltaqa’ mar-realtà vera li fittex dik il-mistoqsija li tħallik sieket, bla risposta. Jiena nixtieq insellem lil Oliver billi nissellef il-kliem li kiteb hu fit-tislima tal-Maltin mal-Appostlu Missierna Pawlu, dak il-kapulavur ta’ patrijottiżmu vera, li huwa Pawlu ta’ Malta, din il-poeżija twila, dak l-oratorju li kebbes it-tama ta’ tant ġenerazzjonijiet: “Ibqa’ magħna, il-Mulej bagħtek fostna, ibqa’ magħna fhimnieh ’l Alla tiegħek. Ibqa’ magħna biex tfehmna l-ġejjieni, la titlaqx lil din l-art”. U Pawlu jirrispondi bħalma jirrispondi Oliver illum: “Hemm triq oħra tistennieni. Il-Mulej iridni mmur, la tibżgħux, se nibqa’ magħkom, dejjem, dejjem, fil-futur”.

Ippermettuli nagħtih tislima personali:

Ofroq is-sema griż li jibki x-xita;
Leħnek hekk kiebi għeb fid-dell tax-xitwa:
Iżda kitbietek ġwejda, għarfa ħelwa
Venvnet fil-qalb tal-Malti bl-għatx għall-ħajja!
Ersaq lejn id-dawl il-hena ta’ kenn sidek,
Ruħek tistrieħ fis-sliem, qalbek fil-hena.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 3, 1-9
Salm: 103 (102), 8.10, 13-14, 15-16, 17-18
Qari II: Kor 1,14-23
Evanġelju: Ġw 6, 37-40