L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa joħroġ biċ-ċar ħafna li l-appostli joħorġu mill-qalb ta’ Ġesù imma wkoll joħorġu mit-talb tiegħu. Aħna u nitolbu biex inkunu fidili lejn Ġesù u lejn il-Knisja tiegħu li hi mibnija fuq l-appostli, għandna bżonn nitgħallmu din il-lezzjoni sabiħa li jagħtina l-Mulej: “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, għalxejn jishar l-għassies”. Salm 127 jgħallimna b’dawn iż-żewġt tixbiehat: il-bini ta’ dar u l-ħarsien ta’ belt; li huwa Alla li jibni u li jħares. Alla jrid ikun li jibni l-Knisja, li jħarisha u li jseddaqha. Aħna, jekk irridu nkunu fidili lejn il-Knisja, irridu nkunu ħaġa waħda ma’ Ġesù.
Għażel tnax u għażilhom bnedmin dgħajfa. Meta ġie l-mument ta’ prova wieħed biss mit-tnax baqa’ miegħu sal-aħħar nifs ta’ ħajtu. Ġwanni biss baqa’; l-oħrajn telquh. Pietru ċaħdu, Ġuda l-Iskarjota tradieh. Dawn huma l-appostli. Apparti Ġuda l-Iskarjota, li miskin spiċċa ħażin, kollha nagħmlulhom festa. Ħafna drabi ninsew waqt li qed inżeffnuhom permezz ta’ xi statwa sabiħa waqt il-festa, li dawn midinbin bħalna. Il-Mulej xeħet il-ħarsa ta’ ħniena tiegħu fuqhom, frott it-talb tiegħu. Ma setax jagħżel oħrajn? Naħseb li seta’. Imma għażel lilhom għaliex kif jgħidilna San Luqa: “Sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli” (Lq 6:13). Mela l-ewwel kienu dixxipli, jimxu wara l-Mulej, jitgħallmu minnu u jisimgħuh u mbagħad saru l-mibgħuta. Għaliex il-kelma ‘appostli’ hekk tfisser, ġejja mill-verb Grieg ‘apostellõ’ li tfisser ‘tibgħat’. Appostlu huwa l-mibgħut.
Ġesù wara li jagħżel dan il-grupp tat-tnax jinżel magħhom, ma’ dawn l-appostli, u jkompli l-missjoni tiegħu ta’ tagħlim. Ħafna nies ġejjin minn diversi nħawi “tal-Lhudija, Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom” (Lq 6:17-18). Imbagħad hemm ukoll dettall sabiħ: “Il-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq” (Lq 6:19). Aħna nistgħu ngħaddu mill-esperjenza li nisimgħu lil Ġesù, li nfiequ mill-mard tagħna, li nistgħu mmissuh. Allura nkunu f’kuntatt ma’ din il-qawwa straordinarja tiegħu. Din il-ħaġa għadha tgħix fil-Knisja permezz tal-appostli, is-suċċessuri tagħhom, fis-sagramenti tal-Knisja. L-quddiesa tiġbor ħafna minn dan kollu. Fil-bidu tal-quddiesa nitolbu maħfra lil Alla tad-dnubietna. Innutaw li matul il-quddiesa kollha, mhux biss waqt it-tqarbin, is-saċerdot kemm-il darba jitlob maħfra għad-dnubiet tagħna lkoll, imma wkoll għal dawk tiegħu personali. Fl-istess ħin Ġesù poġġa sagrament tal-qrar biex iwassal il-fejqan spiritwali tiegħu. Fit-tqarbin aħna mhux biss immissu lil Ġesù imma jiġi fil-qalb tagħna; isir l-ikel tas-sema għalina.
Nirringrazzjaw lill-Mulej tad-don li tagħna, ta’ dawn it-tnax-il appostlu, minflok Ġuda l-Iskarjota, wara t-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema, imbagħad daħal Mattija u baqgħu tnax. Aħna ħafna drabi minflok il-Mattija nsemmu lil San Pawl, l-Appostlu Missierna; li hu wkoll kien magħżul appostlu direttament minn Ġesù. Fil-każ ta’ Pawlu, hu kien mibgħut għandna biex ilaqqagħna ma’ Ġesù.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Kol 2:6-15
Salm: 44 (145), 1-2.8-9.10-11
Evanġelju: Lq 6:12-19