Il-Papa Benedittu XVI kiteb paġna ġdida fl-istorja tal-Papiet meta aċċetta li jwieġeb domandi dwar it-tbatija f’xandira fuq l-istazzjon nazzjonali Taljan RAI. Il-programm ta’ 80 minuta bl-isem ta’ ‘A sua immagine – speciale Venerdì Santo’, kien irrekordjat xi ġranet ilu fil-Librerija tal-Vatikan, u xxandar F’jum tal-Ġimgħa l-Kbira.
Il-Papa donnu bħal inħasad bl-ewwel domanda magħmula minn tifla Ġappuniża ta’ seba’ snin jisimha Elena, li staqsiet lill-Papa għalfejn kien qed ikollha tbati ħafna bħala riżultat tat-terremot u t-tsunami li laqat lil pajjiżha.
“Inħossni nibża’ ħafna għaliex id-dar fejn kont inħossni sigura verament theżżet ħafna u ħafna tfal tal-età tiegħi tilfu ħajjithom. Ma nistax immur nilgħab barra. Irrid inkun naf: għalfejn għandi ngħix din il-biża’? Għaliex tfal għandhom jgħixu dan il-biża’ kollu?” staqsiet Elena lill-Papa.
Benedittu XVI kien sinċier fit-tweġiba tiegħu: “Anki jien għandi l-istess domandi: għaliex jiġru dawn l-affarijiet? Għaliex għandek tbati daqstant, waqt li ħaddieħor jgħix trankwil?
“Nistqarr li m’għandiex it-tweġibiet għal dawn id-domandi, imma nafu li Ġesù li kien innoċenti, bata bħalek, u li Alla l-veru, li wera ruħu f’ Ġesù, hu qrib tiegħek.”
Id-domanda ta’ din it-tifla Ġappuniża kienet waħda minn sebgħa li saru lill-Benedittu XVI waqt il-programm. Fil-verità kien sar intervent ieħor minn Papa waqt programm tat-televiżjoni: Ġwanni Pawlu II darba minnhom għamel telefonata sorpriża waqt programm fuq it-tv fl-20 anniversarju tal-Pontifikal tiegħu. U Benedittu XVI innifsu lejlet il-Milied li għadda, għamel xi ħaġa ġdida meta wassal it-Thought for the Day f’xandira fuq BBC Radio 4. Imma l-inizjattiva tal-Ġimgħa kienet l-ewwel waħda fl-istorja li Papa aċċetta li jwieġeb għadd ta’ domandi waqt programm speċjali fuq it-televiżjoni.
Il-preżentatur kien Rosario Carello qal lill-udjenza tiegħu li l-Papa għall-ewwel aċċetta li jwieġeb biss tlett domandi, imma mbagħad tant daħlu mistoqsijiet permezz tas-sit elettroniku tar-RAI li l-Papa aċċetta li d-domandi jirduppjaw. Kompla jgħid li mbagħad irċevew domanda minn mara Musulmana mill-Kosta tal-Ivorju “li tant kienet topika u kommoventi li ma stajniex inħalluha barra”. Hu għalhekk li d-domandi mbagħad telgħu għal seba’.
Bintu, din il-mara mill-Kosta tal-Ivorja, li sellmet lill-Papa bil-lingwa Għarbija, staqsietu l-parir tiegħu biex tieqaf il-vjolenza f’pajjiżha. Il-Papa stqarr li kellu dieqa kbira “li ma nista’ nagħmel xejn”, imma spjega li kien talab uffiċjal għoli mill-Vatikan biex jipprova jagħmilha ta’ medjatur.
Tul it-tweġiba tiegħu lil din il-mara Musulmana l-Papa saħaq li “l-vjolenza qatt ma tiġi minn Alla, qatt ma tista’ tkun tajba għal xi ħaġa, imma hi mezz distruttiv u mhux it-triq biex taħrab id-diffikultajiet”.
Lil grupp ta’ studenti Nsara mill-Iraq, li staqsew lil Benedittu XVI x’jistgħu jagħmlu biex iħeġġu lil ħuthom Insara biex ma jemigrawx mill-pajjiż, il-Papa wieġeb li l-Knisja kienet qed tħeġġeġ għal aktar djalogu bejn ir-reliġjonijiet. Benedittu XVI qalilhom li hu jitlob dejjem għall-Insara fl-Iraq u ħeġġiġhom biex ikollhom il-fidi u l-paċenzja.
Id-domandi l-oħra kienu l-aktar dwar il-fidi Kattolika, fosthom waħda minn mara Taljana li xtaqet tkun taf jekk binha, li qalet li kien ilu f’koma, fi stat veġetattiv għal dawn l-aħħar sentejn, għadx għandu ruħ.
“Bla dubju,” wieġeb il-Papa. “Is-sitwazzjoni, għandu mnejn, hi bħal dik ta’ kitarra li l-kordi tagħha huma miksura, u li allura ma tistax iddoqq biha,” spjega l-Papa. “Il-qalb ma tistax iddoqq… ma tistax tinstema’, biex ngħidu hekk, imma tibqa’ dejjem hemm fil-ġisem.” Il-Papa ħeġġiġha biex tibqa’ titlob għal binha meta tkun ħdejh, “għaliex il-preżenza tiegħek tasal fil-fond ta’ dik il-qalb mistura.
“Ċert ukoll li din il-qalb mistura tista’ tħoss l-imħabba tiegħek, anki jekk ma tistax tifhem id-dettalji, il-kliem. Imma tħoss il-preżenza tal-imħabba,” temm il-Papa.