Fr Augustine Lape, saċerdot Kenjan imlaqqam il-Lapes wasal biex iprofessa grazzi għal diversi benefatturi Maltin, l-aktar Żabbarin u Pawlisti, biss meta ġie Malta biex jiltaqa’ ma’ benefattur minnhom, iż-Żejtuni Michael Montebello skopra li dan sfortunatament kien ħalliena.
Fr Augustine kien wieħed mill-mistednin waqt il-programm BTW li fih ħadu sehem persuni barranin li ħadu inizjattiva jitgħallmu l-ilsien Malti. Hu ilu saċerdot 20 sena, u kien ġie Malta l-ewwel darba fl-2000. Illum il-ġurnata huwa jqaddes u jqarar bil-Malti fil-Parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, u jaħdem mill-qrib maż-żgħażagħ u tassew għandu Malti tajjeb!
Kienet il-benefattriċi Żabbarija Laurenza Azzopardi magħrufa bħala tal-Fjuri li għallmitu l-Malti. Hu spjega li dan tgħallem għandha d-dar, mhux f’xi skola, meta kienet titolbu jaqrala l-Evanġelju tal-jum u tal-Ħadd u dejjem kien jaqra u jitgħallem. Semma kif il-lingwa Kenjana tas-Swahili tixbah ħafna lil Malti għax 40% minnha Semitika għaldaqstant sabha aktar faċli jitgħallem il-Malti, imma d-djalett Għawdxi jsibu ħafna itqal! Interessanti li bis-Swahili n-numri jinqraw bil-kontra tagħna.
Hu qiegħed jistudja fl-Università ta’ Malta u qed iżur diversi skejjel fejn qed iqaddes. Jgħoġbu ħafna Għawdex u semma Ta’ Pinu, in-Nadur u anke l-festa ta’ San Pietru Pawl! Tkellem ukoll dwar il-festi u l-għajnuna ta’ Dun Ġużepp Sultana li dejjem kellmu bil-Malti waqt li kien seminarista. Qal li l-Maltin huma qalbhom tajba u ġieli għenuh anke meta jitlef triqtu. “What you give them is what they give back” wieġeb Fr Augustine meta ġie mistoqsi dwar jekk qattx ġie ddiskriminat imma qal li hu qatt ma kellu din l-esperjenza, anzi l-Maltin jitbissmulu.
Qal li n-nies jinħasdu meta jmur jixtri u jkellimhom bil-Malti imma jieħdu pjaċir ħafna u jispiċċaw idumu jkellmuh.
Kien missieru li żera’ fih ix-xewqa tiegħu biex isir saċerdot, imma dak iż-żmien xtaq isir pilota biex idur id-dinja u xorta spiċċa jdur id-dinja! Hu kien mar anke l-Awstralja u ltaqa’ mal-Maltin ta’ Melbourne. Jixtieq ikompli jixtieq iwassal lil Ġesù bi tbissima tiegħu. Kull nhar ta’ Sibt fis-7.30pm f’Raħal Ġdid hu jqaddes quddiesa bl-Ingliż.
Fr Augustine tkellem ukoll dwar il-pressjonijiet tal-midja, il-preżenza tal-Kattoliċi fil-Knisja u kif nistgħu nagħtu kas aktar tal-bżonnijiet taż-żgħażagħ. Iħobb jitlob it-talba ta’ San Ġorġ Preca, “Grazzi sinjur Alla u aħfirli sinjur Alla” u meta staqsejtu dwar ikel Malti favorit, semma l-pastizzi bħala kolazzjon, u l-ispagetti tal-fenek!
Skoprejna wkoll li jħobb ħafna l-volleyball, il-cartoons l-aktar The Smurfs u erħilu ħa jidħaq!
Sors: Newsbook Malta