• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     

  • Villa Arrigo, in-Naxxar
    7 ta’ Jannar 2019

    Miġburin hawnhekk, tkun ħaġa sabiħa li l-ewwel kelma li ngħidu lil Alla tkun: “Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla”. Intom u tħarsu lejn is-snin li għaddew imma wkoll lejn il-ħajja li qed tgħixu llum fid-djar differenti tal-Knisja, żgur li hemm ħafna ta’ xiex tirringrazzjawh kif ukoll titolbuh maħfra. Il-quddiesa hi okkażjoni mill-isbaħ biex nagħmlu dan.

    Ispirati mill-Kelma ta’ Alla li smajna llum, nistedinkom titfgħu ħarsitkom fuq Ġesù u taraw fih l-għalliem, it-tabib u l-ħabib. Jekk tiftakru dan fil-quddiesa tal-lum, diġà tajjeb ħafna.


    Ġesù għalliem

    Ġesù hu għalina għalliem. Smajna fl-Evangelju ta’ San Mattew kif Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem u jxandar l-Evanġelju. San Mattew jirrepeti l-kliem tal-profeta Iżaija u japplikah għal Ġesù: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir”. Bit-tagħlim tiegħu, Ġesù jagħtina d-dawl li neħtieġu f’ħajjitna biex ma nitqarrqux minn ‘profeti foloz’, kif smajna fl-ewwel qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu. Hu jgħinna “nagħrfu liema hu l-ispirtu tal-verità u liema hu l-ispirtu tal-gideb”. Hu jurina kif ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha. Jekk insegwu lil Ġesù bħala għalliem, nafu li mexjin fit-triq it-tajba u ma jħalliniex nintilfu fid-dlam.


    Ġesù tabib

    Ġesù hu wkoll it-tabib. Fl-Evanġelju rajnieh ifejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu. Tant sar magħruf għall-fejqan, li kienu jġibulu lil kull min kien għaddej minn mard u tbatija biex hu jfejjaqhom. Lilna wkoll Ġesù jagħti l-fejqan. Mhux bilfors fejqan fiżiku, imma żgur jagħtina l-iktar fejqan importanti: il-fejqan minn ġewwa fil-qalb tagħna u fir-ruħ tagħna. Hu jfejjaq il-feriti tal-ħajja. Hu li jfejjaq id-dnubiet. Ġesù jagħtina l-paċi tal-qalb ukoll fil-mumenti ta’ uġigħ u tbatija.


    Ġesù ħabib

    Ġesù mhuwiex biss għalina l-għalliem u t-tabib. Huwa wkoll il-ħabib. Qiegħed qrib tagħna biex jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna. Bih magħna, nafu li m’aħniex waħedna. Ġieli jiġu waqtiet meta nħossuna abbandunati, qisu qegħdin waħedna. Imma Ġesù bħala ħabib qatt ma jabbandunana. Il-preżenza tiegħu hi ta’ faraġ u ta’ kuraġġ. Għandna ħabib li żgur jifhimna u li kontinwament joffrilna l-imħabba tiegħu.

    Nirringrazzjaw lil Ġesù ta’ din l-okkażjoni sabiħa tal-lum, kif ukoll lis-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika u dawk kollha li għenu fl-organizzazzjoni. Nitolbu lil Ġesù biex dejjem fakkarna li f’ħajjitna għandna lilu bħala l-għalliem li jmexxina fit-triq it-tajba, it-tabib li jfejjaqna u jagħtina l-paċi f’qalbna, u l-ħabib li qatt ma jħallina waħedna.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju