L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Meta nirrabjaw jew ilumna xi ħadd, ħafna drabi nikkwotaw dan l-inċident ta’ Ġesù. Qabżet lil Ġesù, ma taqbiżx lili? Ma taqbiżlix iċ-ċinga xi darba? U din tiġri ’l kulħadd.
Nifhmu għaliex Ġesù rrabja ħafna għax inti ma tagħmilx sawt bil-ħbula jekk m’intix irrabjat ħafna u taqleb l-imwejjed u tkeċċi l-ħamiem u l-barrin u n-nagħaġ. “Tagħmlux it-tempju tiegħi, id-dar ta’ Alla, suq” (Ġw 2:16). Issa Ġesù qed jitkellem fuq il-kummerċ li kien isir fit-tempju biex dak li jkun, wara vjaġġ twil, ikollu annimali x’joffri b’sagrifiċċju. Kien hemm ukoll mhux biss il-biegħa tal-annimali imma min isarraf il-flus għax fit-tempju ma setgħux jidħlu flus bix-xbieha tal-imperatur li kien alla pagan, allura kienu jsarrfu l-flus li kienu jistgħu jidħlu fit-tempju. Kien hemm servizz li kien hemm bżonn isir.
Imma meta t-tempu jsir is-suq, hi meta jiena mmur il-knisja dejjem b’xi emerġenza, nitlob xi grazzja jew xi favur qisni ħa nagħmel xi kuntratt ma’ Alla. Ara jiena marid, issa fejjaqni ta. Jew inkella t-tifel ħa jagħmel l-eżami, ara li jgħaddi! Jekk ma studjax lanqas is-sinjur Alla mhu se jgħaddih. U kultant għandna din il-mentalità ma’ Alla: noqgħod bil-għaqal imma mbagħad trid tagħmilli pjaċir imqar trebbaħni l-lotterija. Qisu Alla xi ħaġa tal-maġija: naqdik u inti taqdini. U dan ukoll jagħmel lit-tempju suq.
Xi grazzja kbira dik li bl-imħabba u bid-devozzjoni tagħna, imma wkoll bl-ubbidjenza tagħna, il-Papa nisimgħuh u mhux minn widna jidħol u l-oħra joħroġ imma nifhmu x’qed jgħidilna, f’isem Ġesù
U allura nistgħu nifhmu li Ġesù jirrita naqra ruħu meta nitrattawh hekk. Anke għax hu, meta jitkellem fuq it-tempju, qed jitkellem fuqu nnifsu. U meta qed jitkellem fuq it-tempju li jinħatt, qed jitkellem fuq it-traġedja kbira tal-Ġimgħa l-Kbira. It-tempju li hu l-ġisem ta’ Ġesù, aħna ħattejnieh bil-passjoni ħarxa u l-mewt krudila li għaddejnieh minnha. Imma wara tlett ijiem dan it-tempju, li hu l-ġisem ta’ Ġesù, jerġa’ jqum.
Allura nifhmu wkoll kemm hi sabiħa din is-silta mill-profeta Eżekjel li smajna. Mit-tempju joħroġ ilma safi. Ma nafx jekk hawnx minnkom li kellu l-grazzja kbira li jżur l-Art Imqaddsa? Ħafna drabi jagħmlu żjara lill-Baħar il-Mejjet ukoll. Għadu mejjet sal-lum. Għaliex? Għax tant hu mielaħ li trid toqgħod attent li lanqas qatra ma tidħol f’għajnek għax taħraqhielek. Lanqas tista’ tgħum fih għax iżommok tant kemm hu ilma tqil. U minn dejjem kien hekk il-Baħar il-Mejjet, wieħed mill-iżjed postijiet profondi fl-art, l-art kollha madwar id-dinja. U fih ma jgħixx xejn.
U allura Eżekjel jieħu din ix-xbieha ma’ nies li kienu jafu x’jiġifieri ilma safi u frisk u x’inhu l-Baħar il-Mejjet u jgħid mit-tempju joħroġ dan l-ilma (Eżek 47:1). Kif jasal fil-Baħar il-Mejjet, il-Baħar il-Mejjet jieħu l-ħajja, jimtela b’kull xorta ta’ ħut anke fejn hemm għaddejja din ix-xmara, is-siġar jikbru u jagħmlu l-frott dejjem (ara Eżek 47:7). Kemm hi tixbiha sabiħa meta nifhmu li Ġesù, li hu t-tempju, joħroġ minnu dan l-ilma frisk u ħaj.
Mela, it-tempju mhux suq, it-tempju hu Ġesù u minnu joħroġ dan l-ilma frisk li jagħti l-ħajja. Aħna u niftakru fid-dedikazzjoni ta’ dan it-tempju li hu tempju tal-ġebel, San Giovanni Laterano, din il-bażilika li hi l-katidral ta’ Ruma, il-katidral tal-isqof ta’ Ruma – tal-Papa. Aħna nitolbu ħafna għall-Papa Franġisku. San Ġorġ Preca, meta jitlob għall-Papa, jitlob l-ewwel nett li l-Mulej iħarsu u li lilna jagħtina l-grazzja li nfarrġu lill-Papa bid-devozzjoni u l-ubbidjenza tagħna. Xi grazzja kbira dik li bl-imħabba u bid-devozzjoni tagħna, imma wkoll bl-ubbidjenza tagħna, il-Papa nisimgħuh u mhux minn widna jidħol u l-oħra joħroġ imma nifhmu x’qed jgħidilna, f’isem Ġesù, ta’ papa li hu.
U jalla din id-devozzjoni, din l-ubbidjenza tkun ta’ faraġ għall-Isqof ta’ Ruma. Nitolbu ħafna għad-djoċesi ta’ Ruma li hi djoċesi kbira, b’ħafna sfidi, ħafna problemi imma wkoll b’ħafna tajjeb, ħafna glorja, ħafna ġid li jsir bħal kull djoċesi. Kull djoċesi, familja kbira jkollok min hu naqra iżjed imqareb minn ħaddieħor u min ukoll iġorr kollox fis-skiet.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Eżek 47:1-2. 8-9. 12
Salm: 138 (139):1-3.4-6.7-8.9-10
Evanġelju: Ġw 2:13-22