L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fil-kapitlu 7 ta’ San Mattew insibu diversi kliem ta’ Ġesù li mhux bilfors jingħaqdu ma’ xulxin immedjatament jew b’mod naturali. Hawnhekk illum għandna tliet kelmiet ta’ Ġesù li għandhom is-sinifikat partikolari tagħhom.
L-ewwel waħda hija tixbiha ħafna qawwija u Ġesù qed jgħallem lill-komunità tad-dixxipli li se jkollhom jaffaċċjaw sitwazzjonijiet fejn dak li għalihom huwa għażiż, għal ħaddieħor huwa irrilevanti jew mhux prezzjuż. U qed jgħallimhom ukoll li se jkollhom jagħmlu għażliet importanti u li jista’ jkun li inti tafda xi ħaġa għażiża għalik f’idejn ħaddieħor li mbagħad iddur kontrik. Ġesù juża t-tixbiha qawwija ħafna tal-“klieb u l-ħnieżer li jduru għalikom,” jgħid, “u jqattgħukom bi snienhom” (Mt 7:6).
Il-bieb id-dejjaq huwa dan: li inti mingħalik ippjanajt triq wiesgħa kollha rħamijiet u ssib ruħek trid tgħaddi mill-bieb dejjaq li m’għażiltx. U Ġesù jgħidlek taħrabx, taħrabx, tibżax mill-bieb id-dejjaq.
Fil-qalba tal-Evanġelju li smajna llum hemm dan it-tieni kliem ta’ Ġesù, it-tieni kelma li hija fundamentali: “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom” (Mt 5:12). Ħafna drabi aħna nippretendu li kulħadd jistmana b’rispett, li jifhimna, li jagħdirna, li ma jiġġudikaniex, li jħobbna. Imma aħna kapaċi nagħmlu hekk lil ħaddieħor? Dak li nixtiequ li ħaddieħor jagħmel lilna jew il-mod kif jistmana, aħna lesti naqsmuh ma’ ħaddieħor? Dan huwa l-kriterju li qed jgħallimna Ġesù; din hija l-kelma li qed jgħallimna Ġesù.
Anzi jinsisti li din hija b’xi mod sintesi tat-tagħlim kollu tal-Bibbja, “din hija l-Liġi u l-Profeti” (Mt 7:12). Din l-espressjoni ‘Liġi u l-Profeti’ tiġbor it-tagħlim kollu li hemm fil-Kelma ta’ Alla. Lhudi jgħidlek li l-Kelma t’Alla hija l-Liġi u l-Profeti. U Ġesù qed jgħid li l-Liġi u l-Profeti jinġabru f’din il-ħaġa. Jiena nittratta lil ħaddieħor kif nixtieq li ħaddieħor jittratta lili. Dik li nsibuha fl-etika u r-reliġjonijiet kważi kollha hija liġi universali, tant hu hekk li msejħa r-‘Regola tad-Deheb, the Golden Rule’. U aħna għandna din l-istess regola fl-Evanġelju skont San Mattew fil-kapitlu 7.
Ġesù mbagħad juża tixbiha oħra. Mela, mill-annimali, imbagħad mir-regola tad-deheb, Ġesù jgħaddi għal dan il-bieb. Hemm il-bieb id-dejjaq u hemm il-bieb il-wiesa’. Aħna ħafna drabi rridu ħajja komda mingħajr ħafna sforzi. Ġesù jgħidilna li biex tgħix tajjeb trid tagħmel sforz fuqek innifsek. Kultant ukoll trid taċċetta sitwazzjonijiet li għalik ma jkunux faċli taċċettahom. Qed nimmaġina jien tant sitwazzjonijiet fejn minħabba l-mard, minħabba l-limiti tal-persuna, dak li jkun ikollu pjan fil-ħajja u ħajtu tinbidel mil-lejl għan-nar u kollox jiġi rasu ’l isfel saqajh ’il fuq. U qed nimmaġina u nixtieq insellem tant nies, b’mod speċjali fil-ħajja miżżewġa imma anke fil-ħajja tal-komunità, li ma jitilqux ’l hemm, ma jaħarbux mill-bieb id-dejjaq. Sitwazzjonijet li jgħaddu minnhom l-ġenituri minħabba wliedhom, l-ulied minħabba l-ġenituri, il-miżżewġin minħabba l-mard ta’ xi ħadd minnhom. Il-bieb id-dejjaq huwa dan: li inti mingħalik ippjanajt triq wiesgħa kollha rħamijiet u ssib ruħek trid tgħaddi mill-bieb dejjaq li m’għażiltx. U Ġesù jgħidlek taħrabx, tibżax mill-bieb id-dejjaq.
U jien nixtieq insellem tant nies li ma beżgħux mill-bieb id-dejjaq tal-ħajja u rrealizaw li l-imħabba qed titlobhom anke dan. Il-Mulej għalikom illum għandu kelma ta’ apprezzament u ta’ mħabba għax dik hija t-triq li se tagħtikom il-ħajja.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Slat 19, 9b-11.14-21.31-35a.36
Salm: 47 (48), 2-3a.3b-4.10-11
Evanġelju: Mt 7, 6.12-14