Kemm hu ferħan! Araha, dejjem daħkana! Dejjem jitbissem! Dawn huma xi ftit mill-kummenti li, int u jien nagħmlu, meta l-Mulej ilaqqagħna ma’ nies li dejjem narahom jidħku u jitbissmu.

Possibbli dawn in-nies problemi m’għandhomx? Jew inkella dawn in-nies, bl-għerf li jagħtihom l-Ispirtu s-Santu, qed jagħrfu li l-ħajja hi misteru u grazzja u mhux problema u diżgrazzja? Għaliex dawn in-nies jibqgħu ferħana, anki meta jgħaddu mill-provi tal-ħajja bħalma ngħaddu int u jien? L-għaliex il-ferħ tagħhom ma jitilfuħx? X’għandhom speċjali? X’mediċina jieħu biex jibqgħu ferħana anki waqt in-niket tagħhom?

Dan l-aħħar laqtitni silta minn diskors tassew sabiħ li għamel Papa Franġisku nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Novemberu 2013, fis-Solennità tal-Qaddisin kollha, fi Pjazza San Pietru. Qal hekk: Il-Qaddisin huma rġiel u nisa li għandhom il-ferħ ġo qalbhom u dan ixerrduh fost l-oħrajn.  Qatt ma juru mibegħda, imma dejjem jaqdu lill-oħrajn, lil dawk l-iktar fil-bżonn; jitolbu u jgħixu fil-ferħ; din hi t-triq tal-qdusija!

Il-qaddisin huma nies ferħana. Għax, skont Papa Franġisku, dejjem jaqdu lill-oħrajn, l-aktar lil dawk l-iktar fil-bżonn. Il-qaddisin jitolbu u jgħixu bil-ferħ. Interessanti li l-Papa issiġilla ħsiebu meta afferma: din hi t-triq tal-qdusija! Mela, li tkun ferħan u ferħana jfisser li tkun qaddis u qaddisa! U, ngħid jien, jekk il-qaddisin, minkejja d-dgħjufijiet u d-dnubiet tagħhom kienu nies qaddisa għax kienu nies ferħana, minfejn ġabuh dan il-ferħ? Min imliehom bih? U jekk il-qaddisin kienu nies ferħana mela aħseb u ara Dak li jqaddishom x’inhu?

U proprju fuq dan li se niftħu l-bieb tar-riflessjoni llum: fuq il-ferħ ta’ Dak li jqaddishom! Jiġifieri ta’ Dak li hu nnifsu hu l-ferħ għax mimli bil-ferħ tal-Ispirtu s-Santu! F’kelma waħda, Ġesù! Tajjeb ngħidu li l-evanġelista San Luqa jsemmi l-kelma ferħ mas-sbatax-il darba fil-vanġelu tiegħu. Allura nistgħu ngħidu li San Luqa huwa l-evanġelista tal-ferħ! U huwa hu li jagħtina stampa mill-aktar sabiħa ta’ Ġesù il-ferħan!

Jekk niġru ġirja mat-test mill-isbaħ tal-vanġelu ta’ San Luqa naraw kemm dan hu tabilħaqq minnu. L-ewwel nett, meta l-anġlu Gabrijel iħabbar lil Żakkarija li kien se jkollu iben fi xjuħitu, u li kellu jsemmih Ġwanni, dan it-tifel, li kien se jħejji t-triq għal Ġesù, l-aħbar ta’ twelidu kienet ta’ ferħ kbir għalih u għal ħafna nies. Jgħidlu: Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel (Lq 1:13-14).

Imbagħad, meta jiltaqgħu Marija u Eliżabetta, Ġwanni l-Battista jaqbeż bil-ferħ f’ġuf ommu għax Ġesù beda jgħix fil-ġuf ta’ Marija! Tgħidilha Eliżabetta lil Marija: U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ (Lq 1:43-44). Ara kemm hu mportanti li n-nisa tqal jitbierku bit-tarbija li qed iġorru fit-tabernaklu qaddis ta’ ġufhom!

L-anġli lir-rgħajja jgħidulhom li t-twelid ta’ Ġesù ġab ferħ kbir lill-poplu sħiħ (Lq 2:10). Jgħidilna San Luqa: Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu (Lq 2:10). Meta jippersegwitawna għax aħna Insara, dixxipli ta’ Ġesù, il-Mulej Ġesù jgħidilna: Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajjrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti (Lq 6:22-23).

Fil-kapitlu 10 tal-vanġelu skont San Luqa, Ġesù stess jifraħ fuq li jifraħ għax il-Missier jgħarraf il-misteri tas-Saltna tiegħu lill-umli u jaħbihom kompletament mill-għorrief ta’ din id-dinja. Jgħidilna San Luqa: F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok (Lq 10:21). Fl-istess splużjoni ta’ ferħ li ġarrab mill-Ispirtu s-Santu, Ġesù juri lilu nnifsu bħala l-kawża tal-ferħ tad-dixxipli tiegħu. Jgħidilhom: Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!” (Lq 10:23-24).

Fil-kapitlu 13, in-nies jifirħu għax Ġesù kien fejjaq mara mifluġa f’Jum is-Sibt, il-jum tal-mistrieħ skont it-tradizzjoni biblika Lhudija. Quddiem ir-reżiżtenza tal-kap tas-sinagoga li  b’saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’jum is-Sibt, … qal lin-nies: “Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt!” (Lq 13:14) Ġesù jagħtih din it-tweġiba warrab wiċċek: “Uċuħ b’oħra!” … Mhux kull wieħed minnkom f’jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih? U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?” (Lq 13:15-16). Quddiem tweġiba bħal din li neżżgħet lill-kap tas-sinagoga u lil min kien qed jappoġġjah mill-arroganza grassa li kellhom fuqhom, għax ippruvaw jfixklu l-ħniena tal-Mulej fuq il-poplu li kien qed ibati, San Luqa jurina l-ferħ tan-nies għat-trażżin ta’ Ġesù ta’ nies ta’ din il-kwalità: Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel (Lq 13:17).

Fil-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa għandna l-ferħ li jseħħ fis-smewwiet għal min jindem u jdur lejn il-Mulej. Jgħidilna Ġesù: Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema (Lq 15:7). Ġesù m’għandux kwiet! Saħansitra jerġa’ ifakkarna f’dan il-punt meta jirrakkonta il-parabbola tad-drakma l-mitlufa. Din il-parabbola ħelwa jagħlaqha b’din l-affermazzjoni ferm importanti: Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem (Lq 15:10).

Ġesù l-ferħan ma jieqaf qatt idakkar lil dawk li jagħmluha miegħu u jħalluh jidħol f’qalbhom bil-ferħ tiegħu. Fil-kapitlu 19 għandna l-istorja mill-isbaħ ta’ Żakkew il-pubblikan. San Luqa jagħtina dettall mill-isbaħ fuq Żakkew li kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani (Lq 19:2), kien raġel qasir (Lq 19:3), kollha elementi li ma kienux jagħmluh popolari man-nies li kienu jikkundannawh bla ħniena ta’ xejn lejl u nhar. Għall-istedina ta’ Ġesù li rah [im]xabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ (Lq 19:4), u kif wasal hemm, ħares ‘il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (Lq 19:5), Żakkew niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu (Lq 19:6). Hekk tagħmel persuna li hi veru nadifa u innoċenti quddiem il-Mulej, bħalma jfisser l-isem Żakkew. 

Rakkont ieħor fejn fih nistgħu napprezzaw lil Ġesù ferħan, li jferraħ lil dawk li jiltaqgħu miegħu, hu meta jidher lid-dixxipli kif qam minn bejn l-imwiet. Lilhom uriehom idejh u riġlejh (Lq 24:40). Il-ferħ tagħhom tant kien kbir li kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba (Lq 24:41). Meta talabhom jagħtuh jiekol ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom (Lq 24:42-43). Il-ferħ ta’ Ġesù baqa’ imwaħħal sewwa f’qalbhom tant li fil-ġrajja tat-tlugħ tiegħu fis-sema, wara li rċevew il-barka mingħandu u nfired minnhom u kien meħud fis-sema (Lq 24:51), huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla (Lq 24:52-53), jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuqhom, l-Ispirtu tal-ferħ dejjiemi ta’ Ġesù. 

Hu dan l-istess Spirtu li qed inebbaħni u jnebbħek li nitlob u li titlob, f’kull ħin: Mulej Ġesù fawwarni bil-ferħ tiegħek. Amen!

Minn Patri Mario Attard OFM Cap