It-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti tal-Knisja f’Malta ser tgħaddi s-somma ta’ €2000 bħala għajnuna lil Selemawit Hagu Belay, mart ASHIH TEKLEAB HAILE li miet waqt li kien qed isalva raġel ieħor mill-għarqa fl-20 ta’ Lulju 2011. Din is-somma hija d-differenza bejn l-għotjiet li nġabru u l-ispejjez tat-trasferiment tal-katavru ta’ Ashih Tekleab Haile lura lejn l-Eritrea, li ammontaw għal €4690. L-għotjiet mgħoddija lill-Kummissjoni Emigranti u lil martu s’issa ammontaw għas-somma ta’ €6673.
€3623 minn din is-somma ġew mgħoddija lill-Kummissjon Emigranti mill-Paradise Bay Hotel (€1000 mid-diretturi tal-lukanda, €1558 mill-Paradise Driving Club / Guests, €655 mill-Paradise Bay Hotel Staff u €150 mill-Club 300). Is-somma tal-Paradise Bay Hotel tinkludi wkoll €300 li offra l-Franċiż salvat, qabel siefer minn Malta.
€2000 oħra ngħataw mill-Fond għall-Kawzi Ġusti (Good Causes Fund) u €1000 mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu. Kien hemm ukoll €50 f’donazzjonijiet privati.
Il-Kummissjoni Emigranti, filwaqt li ġġedded il-kondoljanzi tagħha lil Selemawit Hagu Belay tixtieq turi l-apprezzament tagħha għas-simpatija li wrew il-Gvern u l-poplu Malti għat-telfa ta’ Ashih. Trodd ħajr ukoll għall-kontribuzzjonijiet li ngħataw lill-familja tiegħu permezz ta’ entijiet oħra.