L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’dan il-post għażiż għad-devozzjoni lejn l-Arkanġli u San Mikiel illum nitolbu l-ħarsien tal-arkanġli u tal-anġli. Aħna dalwaqt ukoll nagħmlu festa kbira għall-anġli kustodji kollha fit-2 ta’ Ottubru imma dawn il-jiem jibdew billi nfakkru tliet anġli li fl-Iskrittura jissemmew b’isimhom, jingħataw it-titlu ta’ arkanġli għax jingħataw missjoni importanti, u wkoll jgħallmuna bl-isem magħżul għalihom xi tfisser l-interċessjoni tal-anġli.

L-Arkanġlu San Mikiel ismu jfisser: min hu bħal Alla? San Mikiel huwa dak li jiddefendi l-poplu ta’ Alla, il-poplu ta’ Iżrael u l-Knisja kontra l-assalti tal-anġli suppervi li għamlu gwerra lil Alla, lix-xitan u lil sħabu. Anke dawk huma kreaturi ta’ Alla imma l-arkanġlu San Mikiel huwa dak li jiddefendi l-unur ta’ Alla bl-umiltà tiegħu u bl-ubbidjenza tiegħu. Nitolbu lil San Mikiel arkanġlu jgħallimna l-ubbidjenza lejn Alla u l-vera umiltà, għax, min hu bħal Alla?

It-tieni arkanġlu li niċċelebraw illum huwa Gabriel; l-isem tiegħu jfisser: Alla huwa qawwi jew il-qawwa ta’ Alla. Tiftakru li meta deher lill-Madonna qalilha: “Għax għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun,” (Lq 1:37). Hu deher lil Żakkarija l-ewwel biex iħabbarlu t-twelid tal-prekursur, ta’ Ġwanni l-Battista – dejjem fl-Evanġelju ta’ San Luqa qed ngħid – imbagħad jidher ukoll lill-Madonna. “L-anġlu Gabriel mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija jisimha Nazaret għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi. U din ix-xebba kien jisimha Marija,” (Lq 1:26-27). Jgħidilha, l-ewwel nett isellmilha, b’dik it-tislima sabiħa: “Sliem għalik Marija, mimlija bil-grazzja,” (Lq 1:28).

Kull meta ngħidu Sliema u Qaddisa aħna nibdew bil-kliem tal-Arkanġlu San Gabriel għax dik it-tislima: ‘Ave Maria, gratiæ plena,’ qalhielha l-Arkanġlu San Gabriel. U hu, li jismu l-qawwa ta’ Alla, ifakkarna tassew li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun. Min jaf kemm hawn minna li ngħaddu minn mumenti, ilkoll kemm aħna, għax il-familja dejjem trid, dejjem jara x’jinqala u l-ħajja nżul u tlajja’ u ngħidu: min se jeħlisna minn dil-biċċa inkwiet? Ftakru f’San Gabriel, fil-kelma li qal lill-Madonna “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir.”

It-tielet arkanġlu li tiegħu nagħmlu l-festa llum, huwa Rafel. Rafel ifisser mediċina ta’ Alla, jew Alla jfejjaq. Niltaqgħu miegħu fit-Testment l-Antik fil-ktieb ta’ Tobija. Hu mibgħut minn Alla biex lil Tobit, it-tifel ta’ Tobija, iwasslu għand l-għarusa magħżula għalih. U din l-għarusa, Sara, kienet speċjali għaliex kienet iżżewwġet sebat irġiel u kollha mietu qabel kellhom x’jaqsmu magħha. Nimmaġina Tobit inwkieta ftit, jgħid: naħseb issa se jmiss lili. Imma fil-vjaġġ kellu lill-Arkanġlu Rafel li akkompanjah u peress li l-papà ta’ Tobit, Tobija, kien għama, Rafel iġiegħel lil Tobit, it-tifel ta’ Tobija, jaqbad ħuta, jgħidlu: issa ħu l-intern tagħha, poġġih fuq għajnejn missierek u hu jibda jara (ara Tob 6:4-5). U hekk għamel. Għalhekk ħafna drabi meta naraw stampa tal-Arkanġlu San Rafel: jew hu stess qed iżomm il-ħuta – li qal lil Tobija -, jew inkella qed jakkumpanja lil Tobija fil-vjaġġ waqt li Tobija għandu f’idu l-ħuta li għaliha Rafel qallu: ‘isma’, mill-marrara tagħha inti tkun tista tfejjaq lill-papà’.

Tajjeb infakkru li l-interċessjoni tal-anġlu iġġibilna wkoll il-fejqan tar-ruħ. Kellu espressjoni sabiħa San Ġorġ Preca li kien iħobb jgħallimielna: biex noffru l-pjagi tal-Mulej lil Alla, biex ifejjaqna mill-pjagi tar-ruħ tagħna. Għallimna ngħidu dit-talba San Ġorġ Preca: ‘noffrulek il-pjagi divini ta’ ħuna u Ibnek Ġesù Kristu biex tfejjaq il-pjagi tar-ruħ tagħna’. Aħna midinbin bid-dnubiet tagħna. Din l-imbierka ruħ tagħna, min jaf kif inhi mkissra, imsallba, imqallba imma l-Arkanġlu San Rafel jgħinna nerġgħu nsibu l-fejqan spiritwali u ħafna drabi – intom tafu iżjed minni – l-inkwiet imarrdek anke fil-ġisem. Allura naħsbu li jkollna ruħ safja biex norqdu b’kuxjenza tajba. Norqdu fil-fond, għax l-irqad tajjeb tal-kuxjenza safja jfejjaq, imma l-irqad ta’ kuxjenza mtaqqla jmarrad.

Illum nitolbu ħafna l-interċessjoni tal-arkanġli: San Mikiel, San Gabriel u San Rafel.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I: Daniel 7:9-10,13-14 jew Apok 12:7-12a
Salm: 137:1-5
L-Evanġelju: Ġw 1:47-51

Aktar ritratti