L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-sena nixtieq inpoġġi lill-pajjiż tagħna, b’mod speċjali bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca, aħna u niċċelebraw ftit tax-xhur oħra, 60 sena mill-Indipendenza, u 50 sena mir-Repubblika. Aħna l-Isqfijiet qegħdin noffru lill-poplu tagħna l-okkażjoni li nirriflettu flimkien fuq il-ħames barkiet, kif sejjaħnilhom, li Dun Karm Psaila fl-1922 introduċa fit-tieni stanza tal-Innu Malti. Il-barkiet tad-dehen, tal-ħniena, tas-saħħa, tal-għaqda u tas-sliem.

San Ġorġ Preca, li twieled fl-1880, kellu 42 sena meta indaqq l-Innu Malti għall-ewwel darba. Qed nitkellmu fuq qaddis li għex mumenti importanti tal-istorja ta’ pajjiżna. Imma ma rax, almenu fuq din l-art, l-iżviluppi li saru wara mewtu, li seħħet fl-1962. Imma jekk inħarsu lejn il-ħames barkiet, u niftakru xi tagħlim ta’ Dun Ġorġ marbut magħhom, nifhmu wkoll li Dun Ġorġ għandu x’jgħidilna, dwar kull wieħed minn dawn il-valuri, kull waħda minn dawn il-barkiet.

Mal-barka tad-dehen, jiena norbot it-tagħlim kollu tal-fundatur, kif inħobbu nsejħu lil Dun Ġorġ, mal-ħtieġa li nagħrfu r-rieda ta’ Alla, ninħelsu mill-inganni, u jkollna intenzjoni retta. Fil-fatt fit-Testment il-Ġdid, id-dehen għandu ħafna wċuh; u b’xi mod, kollha jindikaw id-dixxerniment ta’ min jixtieq jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Allura jagħraf x’inhi, imma jgħixha wkoll għall-glorja ta’ Alla – intenzjoni retta. Ġesù stess jgħid: “Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dawk huwa ħija, u oħti, u ommi”. (Mt 12:50) Ejjew nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca d-don tad-dehen. U nitolbu wkoll l-interċessjoni tiegħu biex ninħelsu mill-inganni.

It-tieni barka hi l-barka tal-ħniena. Dejjem jikkommovini s-salm ta’ Patri Franku, kif jikkommovini s-salm dwar il-ġustizzja u l-ħniena ta’ Alla; li fihom Dun Ġorġ jgħid: “Alla li hu fidil u veru, imma juri l-qawwa tiegħu, fil-ħniena tiegħu.” Aħna għandna bżonnha din il-ħniena. Il-ħniena għalina nfusna, bejnietna, li hi sies tal-virtù li Dun Ġorġ ħass, li kellu bżonn jipprietka b’mod speċjali lill-poplu tagħna, u li kien dak tal-manswetudni. Jolqotni l-fatt, li meta kiteb l-ittra dwar manswetudni, li s-soċji jaqraw fis-26 ta’ Diċembru ta’ kull sena, sejħilha: ‘Ittra Popolari’ indirizzata lill-poplu ta’ Alla. Għax fehem, li minħabba, forsi l-karattru Mediterranju tagħna, u t-temperatura bħal tal-lum li ġġiegħel id-demm ibaqbaq faċilment, aħna faċli nweġġgħu lil xulxin u għandna bżonn naħfru ħafna lil xulxin. Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca biex aħna nkunu soċjetà ta’ ħniena u manswetudni, soċjetà fejn il-maħfra mhix kożmetika imma frott ukoll ta’ proċess ta’ verità.

Dun Ġorġ Preca, meta kien jitkellem dwar is-saħħa, ma kienx biss jitkellem fuq is-saħħa fiżika; imma ħafna drabi kien jirreferi għas-saħħa; forsi jittraduċi l-kunċett Ruman Latin ta’ ‘salus’, bħala anke salvazzjoni – ‘is-saħħa ta’ ruħna’. Minn jaf kemm-il darba nsibu din il-frażi fil-kitbiet tiegħu. Aħna u nitolbu d-don tas-saħħa, nifhmu li l-ġisem li jservina u li hu l-espressjoni tagħna fuq din l-art, irid ikun strument li jwassalna għas-saħħa eterna, għal dik is-salvazzjoni, għal dik is-saħħa li tagħmel minna tassew bnedmin sħaħ.

U aħna nilqgħu d-don tas-saħħa mingħand il-Mulej, li għarraf id-dgħufija tagħna, u Hu l-qawwa tagħna. Dun Ġorġ kien jammira ħafna l-omnipotenza ta’ Alla fil-ħolqien tiegħu. U kien jitkellem dwar l-attributi ta’ Alla, b’mod konvint u kommoss. Forsi minħabba l-esperjenza ta’ meta kien se jegħreq fil-Port il-Kbir, ta’ tifel ċkejken baqa’ impressjonat bil-qawwa tal-baħar. Kien konvint ukoll, li missieru, waqt li kien qed jitlob quddiem il-Kurċifiss tal-Katidral tal-Imdina, b’xi mod kien qed jitlob ukoll għas-saħħa u l-fejqan, u l-ħarsien ta’ ibnu Ġorġ.

[Għal Dun Ġorġ] l-għaqda mhix kwistjoni ta’ sentiment imma ta’ volontà.

Hu kien jaf ukoll id-dgħufija fil-ġisem wara l-attakk tat-tuberikolożi, li kien ikkompromettielu pulmun minnhom u rċieva l-kundanna tal-mewt. It-tabib qal lil missieru, m’hemm għalfejn tippreparalu xejn għall-quddiesa. Kellu wkoll l-ironija li jgħid: ‘Missieri miet, it-tabib miet, u Ġorġi għadu ħaj’. Aħna u nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca d-don tas-saħħa; ejjew nagħrfu li għandna bżonn nieħdu ħsieb lilna nfusna, u lil xulxin; imma li hemm saħħa iżjed importanti u fundamentali, li hi s-saħħa eterna.

Dun Ġorġ kien innamrat bil-kunċett tal-għaqda għax għalih ir-rabta tal-imħabba kienet il-bażi tal-għaqda. Il-konklużjoni tal-proponiment: “Li ninħabbu bi mħabba kbira”. Għalih l-għaqda mhix kwistjoni ta’ sentiment imma ta’ volontà. Li naħdem biex niġbdu ħabel wieħed; li allura ninża’ minni nnifsi, biex f’komunjoni mal-oħrajn, nibnu xi ħaġa għall-glorja ta’ Alla. Kemm jogħġobni l-fatt li kien jgħaqqad l-għaqda ta’ bejnietna mal-misteru kbir tal-inkarnazzjoni; tal-fatt li l-Iben ta’ Alla sar bniedem. L-Iben ta’ Alla sar bniedem u bir-rabta tal-imħabba għamilna ħaġa waħda.

Nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca għas-sliem. U li għallimna nsellmu lil xulxin bit-tislima ta’ Kristu Rxoxt: “Il-Paċi magħkom” (Ġw 21:19). Li kien jgħid li Alla tagħna hu Alla tal-paċi. Fejn hemm it-taħwid m’hemmx Alla. U li kien ukoll jammira u jgħożż is-silenzju bħala dak li jagħtik tassew il-paċi fil-qalb. Ħafna drabi f’ħajti niftakar fl-insistenza tiegħu, minħabba l-esperjenza personali li kellu, u dawk iż-żewġ kelmiet li sema’, hu u jitlob quddiem l-inkwadru tal-Madonna tal-Bon Kunsill u tal-Parir it-Tajjeb: ‘serva silentium – żomm is-skiet’. U skiet għal Dun Ġorġ isir il-garanzija tal-paċi tal-qalb. Bħalma hi l-garanzija tal-qalb, il-kapaċità li taħfer, li terġa’ tibda mill-bidu. Li inti tfittex ukoll il-maħfra fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni. Fis-Salm Evanġeliku tas-Sirjaku jistedinna “biex aħna ninħaslu ta’ spiss,” kien jgħid, “fil-banju tad-demm ta’ Kristu” li hu l-qrar. U għandu paġna sabiħa, hu u jiddjaloga ma’ Ġesù, jirringrazzjah talli vvinta dan il-mod, kif jaħfrilna dnubietna u jagħtina l-paċi tal-qalb. Il-paċi tal-qalb li mbagħad naqsmuha bejnietna bħala aħwa. Nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca għall-paċi fostna, mibnija fuq il-verità u l-ġustizzja; il-paċi fid-dinja mibnija fuq ir-rispett tad-dinjità ta’ kull bniedem.

Dejjem jolqotni l-fatt li San Ġorġ Preca kellu teoloġija qawwija tal-inkarnazzjoni. Tant li kien jirrifletti b’mod profond fuq il-fatt li aħna l-bnedmin maħluqa xbieha ta’ Alla. U kien jgħid, “kif tista’ tgħid, li tħobb lil Alla, jekk inti tiddisprezza x-xbieha tiegħu? Jekk inti tħobb,” jgħid f’ħin minnhom, “il-ħabib, se tonqsu fuq ir-ritratt tiegħu; jew se tikkalpestah taħt saqajk?” U jekk ħuk jew oħtok, huma xbieha ta’ Alla, kif tista’ ma tħobbhomx, jekk tgħid li tħobb lil Alla? Ħobb lil Alla, u ħobb lix-xbieha tiegħu. Kultant fattizzi differenti, kuluri, qisien differenti; imma xbieha tiegħu dejjem.

San Ġorġ Preca, fl-għerf tiegħu, talab għal pajjiżu, għal Malta tagħna; imma ħabbrilna u tana l-missjoni li nixirfu ’l bogħod mill-gżejjer tagħna, hu li qatt ma siefer, biex inxandru l-Evanġelju ta’ Ġesù. Illum nitolbuh, biex jitfa’ fuq pajjiżna, bl-interċessjoni qawwija tiegħu, il-barkiet tad-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 21:11-17, 21
Salm: 119:33-42
Qari II: 2 Tim 2:1-11
L-Evanġelju: Mk 16:14a,15-20

Aktar ritratti