-
-
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Nerġgħu naqbdu l-mixja ta’ katekeżi fuq il-Quddiesa, u llum nistaqsu lilna nfusna: Għaliex immorru l-Quddiesa l-Ħadd?
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Ħadd hi fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2177). Aħna l-Insara mmorru l-Quddiesa l-Ħadd biex niltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt, jew aħjar, biex inħallu lilu jiġi jiltaqa’ magħna, nisimgħu kelmtu, insostnu ruħna mill-mejda tiegħu, u hekk insiru Knisja, jiġifieri l-Ġisem mistiku ħaj tiegħu fid-dinja.
Dan sa mill-bidu fehmuh id-dixxipli ta’ Ġesù, li ċċelebraw il-laqgħa Ewkaristika mal-Mulej fil-jum tal-ġimgħa li l-Lhud kienu jsejħulu “l-ewwel tal-ġimgħa” u r-Rumani “jum ix-xemx”, għax f’dak il-jum Ġesù qam minn bejn l-imwiet u deher lid-dixxipli, tkellem magħhom, kiel magħhom, tahom l-Ispirtu s-Santu (ara Mt 28:1; Mk 16:9,14; Lq 24:1,13; Ġw 20:1,19), kif smajna fil-Qari mill-Iskrittura. Anki meta l-Ispirtu niżel b’qawwa fuqhom f’Pentekoste, dan seħħ il-Ħadd, ħamsin jum wara l-qawmien ta’ Ġesù. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Ħadd hu jum qaddis għalina, imqaddes miċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, preżenza ħajja tal-Mulej fostna u għalina. Mela hi l-Quddiesa li tagħmel il-Ħadd Nisrani! Il-Ħadd Nisrani jdur madwar il-Quddiesa. X’Ħadd ikun, għan-Nisrani, dak li fih tibqa’ nieqsa l-laqgħa mal-Mulej?
Hemm komunitajiet Insara li, b’xorti ħażina, ma jistgħux igawdu mill-Quddiesa kull nhar ta’ Ħadd; imma anki dawn, f’dan il-jum qaddis, huma msejħa jinġabru jitolbu f’isem il-Mulej, jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jżommu ħajja x-xewqa tal-Ewkaristija.
Xi soċjetajiet sekularizzati warrbu fil-ġenb is-sens Nisrani tal-Ħadd imdawwal mill-Ewkaristija. Xi dnub dan! F’dawn il-kuntesti hu meħtieġ inqajmu mill-ġdid dan l-għarfien, biex nirkupraw it-tifsira ta’ din il-festa, it-tifsira tal-ferħ, tal-komunità parrokkjali, tas-solidarjetà, tal-mistrieħ li jġedded il-ġisem u r-ruħ (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nn. 2177-2188). Dwar dawn il-valuri kollha tgħallimna l-Ewkaristija, Ħadd wara Ħadd. Għalhekk il-Konċilju Vatikan II ried jikkonferma li l-“Ħadd, wieħed għandu jipproponih lit-tjieba tal-fidili u jisħaq fuqu magħhom biex ikun ukoll għalihom jum ta’ ferħ u ta’ mistrieħ mix-xogħol” (Kostituzzjoni Sacrosanctum concilium, 106).
Fl-ewwel sekli ma kinitx teżisti d-drawwa li wieħed ma jaħdimx il-Ħadd: hi ħaġa speċifika li ġab miegħu l-Kristjaneżmu. Fit-tradizzjoni biblika l-Lhud kienu jistrieħu s-Sibt, waqt li fis-soċjetà Rumana ma kienx hemm xi ġurnata tal-ġimgħa li fiha l-ilsiera kienu jistrieħu mix-xogħol. Kien is-sens Nisrani tal-ħajja bħala wlied u mhux bħala lsiera, animat mill-Ewkaristija, li għamel mill-jum tal-Ħadd – kważi universalment – jum il-mistrieħ.
Mingħajr Kristu aħna kkundannati li nibqgħu maħkuma mill-għeja tal-ħajja ta’ kuljum, mit-tħassib tagħha, u mill-biża’ tal-għada. Il-laqgħa mal-Mulej f’jum il-Ħadd tagħtina l-qawwa li ngħixu l-ġurnata b’fiduċja u kuraġġ u biex nibqgħu mexjin bit-tama f’qalbna. Għalhekk aħna l-Insara mmorru niltaqgħu mal-Mulej nhar ta’ Ħadd, fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Il-Komunjoni Ewkaristika ma’ Ġesù, Rxoxt u Ħaj għal dejjem, tantiċipa dak il-Ħadd li fuqu x-xemx ma tinżel qatt, meta mhux sa jkun hemm iżjed taħbit, lanqas tbatija, lanqas luttu, u lanqas dmugħ, imma biss il-ferħ li ngħixu b’mod sħiħ u għal dejjem mal-Mulej. Anki dwar dan il-mistrieħ ta’ hena tkellimna l-Quddiesa tal-Ħadd, u tgħallimna kif, mal-mixja tal-ġimgħa, nafdaw ruħna f’idejn il-Missier tas-Smewwiet.
X’nistgħu nwieġbu lil min jgħidilna li ma hemmx bżonn tmur il-Quddiesa, lanqas il-Ħadd, għax l-importanti hu li tgħix tajjeb, tħobb lill-proxxmu? Hu minnu li l-kwalità tal-ħajja Nisranija titkejjel skont il-ħila li wieħed iħobb, kif qal Ġesù: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35); imma kif nistgħu ngħixu l-Vanġelu mingħajr ma nixobru l-enerġija meħtieġa biex nagħmlu dan, Ħadd wara l-ieħor, mill-għajn ma taqta’ qatt tal-Ewkaristija? Aħna ma mmorrux il-Quddiesa biex nagħtu xi ħaġa lil Alla, imma biex nirċievu mingħandu dak li għandna bżonn tabilħaqq. Dan tfakkarhulna t-talba tal-Knisja, li hekk tgħidlu lil Alla: “Għad li xejn ma teħtieġ it-tifħir tagħna, inti jogħġbok tagħtina l-grazzja biex minn qalbna rroddulek ħajr: għax jekk il-ġieħ li nagħtuk ma jżidlek xejn fik innifsek, imma lilna jiswielna għas-salvazzjoni” (Missal Ruman, Prefazju IV tal-Komun).
Biex nagħlaq, għaliex għandna mmorru l-Quddiesa l-Ħadd? Mhux biżżejjed twieġeb li dan hu preċett tal-Knisja; dan jgħinna nżommu sħiħ il-valur tagħha, imma waħdu mhux biżżejjed. Aħna l-Insara għandna bżonn li nieħdu sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd għax hu biss bil-grazzja ta’ Ġesù, bil-preżenza ħajja tiegħu fina u fostna, li nistgħu nqiegħdu fil-prattika l-kmandament tiegħu, u hekk insiru xhieda kredibbli tiegħu.
Il-messaġġ tal-Papa Franġisku dwar il-katekeżi sar waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, 13 ta’ Diċembru 2017.