“Għall-ewwel darba fittxew l-għajnuna aktar għall-kannabis milli għall-eroina” hekk stqarr id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt meta kien qed jitkellem waqt il-gradwazzjoni bit-tema ‘35 sena ta’ sfidi u suċċessi’ li saret ilbieraħ fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas għal dawk il-persuni kollha li jkunu temmew b’suċċess xi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. F’din iċ-ċerimonja gradwaw disa’ persuni.
Waqt li rrifletta fuq is-suċċessi Gatt semma tliet sfidi kbar fosthom il-kannabis u l-kokaina. Is-sena l-oħra kompla jiżdied il-persentaġġ ta’ nies li marru għall-għajnuna minħabba l-kokaina u l-crack cocaine. 56% ta’ total ta’ 808 klijenti illi kellhom kuntatt magħhom marru għal din ir-raġuni u kienet l-ewwel darba li marru iktar nies għall-għajnuna minħabba l-ħaxixa (21% tal-klijenti) milli għall-eroina (17% tal-klijenti). Din xi ħaġa li qatt ma rawha qabel fis-snin li għaddew. Saħaq li s-sitwazzjoni tal-kokaina hi tassew gravi, “hawn nies jiġru b’karozzi lussużi qed jistagħnaw minn fuq dar il-vittmi u dawk dipendenti”.
Hu reġa’ tenna dak li qal waqt il-programm ta’ diskussjoni għaż-żgħażagħ BTW, “qed naraw realtà tal-biki li ħafna minnha għandha x’taqsam man-nuqqas ta’ infurzar tal-liġi. Il-Liġi tgħid li ma jistax isir tipjip tal-Kannabis fil-pubbliku jew quddiem it-tfal u ma jistax ikollok iktar minn 4 pjanti d-dar…imma ħadd mhu jirregola dan kollu u hemm ħafna ġenituri u ġirien inkwetati.”
Saħaq li ilhom minn Ottubru tal-2023, flimkien ma’ kollegi tal-OASI u anke mill-Università jimbuttaw biex jitwaqqaf il-bejgħ ta’prodotti ta’ kannabis sintetika magħruf bħala HHC mill-grocers u corner shops u stationers. Is-sitwazzjoni tant gravat li qal li anke minn siti Maltin kapaċi tixtri Gummy MDMA u Gummy speed. Stqarr, “kollega xtrahom u bagħathom il-laboratorju u oħroġ il-għaġeb hemm traċċi tal-MDMA (Ecstacy), Ketamina u Anfetamina!” Għaldaqstant talab għall-infurzar tassew bis-serjetà.
Sfidi oħra li aċċenna għalihom kienu n-nuqqas ta’ ħaddiema soċjali u l-bżonn ta’ aktar attenzjoni għas-saħħa mentali u s-servizzi provduti għaliex sfortunatament ikun hemm vittmi tad-droga li jsibu ruħhom f’Mount Carmel fil-mixja tagħhom għall-fejqan. Din kienet ukoll l-esperjenza tal-atleta Miguel Mifsud li kien ħa sehem fl-istess programm ta’ BTW fuq RTK103.
Gatt irrifletta fuq il-ħidma tal-Caritas matul l-2023 u semma diversi suċċessi fosthom li kien hemm madwar 800 persuna li ħabbtet il-bieb tagħha minħabba d-droga. Minn dawn 257 kellhom admission fi programm residenzjali u 51 ħadu servizz minn tal-Ibwar. Għenet ukoll lil 515 qarib ta’ dawn il-persuni u 686 għamlu użu mis-Servizzi Ta’ Counselling u Social Work Ġeneriċi. Il-Caritas daħlet fit-23 Skola u kellha kuntatt ma’ 3400 tifel u tifla, kif ukoll daħlet f’19 il-kumpanija u wasslet għand madwar 450 impjegat. B’Kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Familja u The Alfred Mizzi Foundation is-sena l-oħra madwar 400 persuna użaw xelter ta’ emerġenza – Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores u 19 użaw REACH programme (second stage shelter). Sadanittant madwar elf persuna vulnerabbli ħadu servizz ta’ ikel bla ħlas minn Dar Papa Franġisku. Fid-dawl ta’ tant għajnuna u suċċessi Gatt saħaq li huma ma jarawx lill-persuni bħala numri, imma jpinġu stampa ċara ta’ kemm huma wiesgħa s-servizzi.
Gatt fakkar li Mons. Victor Grech għallimhom kif jgħixu l-isfidi u kkwota frażi li Mons. Grech iħobb jirrepeti, “F’kull waqgħa hemm iż-żerriegħa ta’ Qawmien ġdid”. Kompla jgħid li għallimna ma nħarsux lejn diffikultà bħala problema li tagħfġek imma bħala sfida u opportunità li tegħlibha. Hu qal li ħafna drabi trid l-umiltà li titlob u taċċetta l-għajnuna ta’ din il-Komunità Terapewtika, Komunità li timxi miegħek il-vjaġġ; li tibki miegħek u tiċċelebra miegħek.
Għalaq billi ħeġġeġ għal aktar prevenzjoni, u li mill-ġdid jiddaħħlu sens ta’ ordni, ħniena u ġustizzja fejn m’hemmx u fuq kollox tingħata prijorità lill-familja. Wieħed jista’ jaqra d-diskors sħiħ minn din il-ħolqa.
“Il-Caritas hija omm għax twellidkom mill-ġdid” – Il-President
Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fid-diskors tagħha qalet li “Il-Caritas hija mħabba u omm għax twellidkom mill-ġdid”.
L-Isqof Awżiljaru Joseph Galea Curmi semma tliet punti mill-appell li għamel din il-ġimgħa l-Papa Franġisku fil-Jum Dinji Kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga.
L-ewwel punt hu kelma ta’ inkoraġġiment biex dawk kollha li qed jagħmlu ħilithom biex joħorġu mill-vizzju tad-droga ma jaqtgħu qatt qalbhom. “Importanti li aħna nagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna, ta’ dawk li huma vittmi tad-droga, u għalhekk li fina jsibu min jismagħhom, min jifhimhom, min iħobbhom u min jgħinhom fit-triq tal-fejqan.”
It-tieni punt hu dwar l-importanza “li nagħrfu l-ħsara, ir-rovina, li tagħmel id-droga fis-soċjetà għax timmina l-valuri u ġġib fix-xejn dak li lkoll nippruvaw nibnu.”
It-tielet punt tal-Papa li għamel referenza għalih l-Isqof Awżilarju hu li “hu żball li nimmaġinaw li se tonqos id-dipendenza fuq id-droga billi tilliberalizza l-konsum. Meta nagħmlu differenza bejn droga li tagħmel ħsara u droga li ma tagħmilx ħsara, droga li toqtol u droga li tirrikrejak, inkunu qed nagħmlu ħsara, għax inkunu qed nagħtu messaġġ kontradittorju lit-tfal, lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ.”
L-Isqof Joseph Galea-Curmi sellem lil Mons. Charles Cordina, il-Vigarju Episkopali tad-Djakonija li jwassal il-qalb tal-Knisja f’tant ambjenti li l-Knisja f’Malta hi qaddejja tagħhom; u rringrazzja b’mod partikolari lil Mons. Victor Grech, il-fundatur ta’ Caritas.
Sors: Newsbook Malta