-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa
15 ta’ Ottubru 2017
L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom tas-sehem tagħkom f’dan il-pellegrinaġġ bl-istatwa għażiża u devota tal-Madonna ta’ Fatima, imbierka mill-qaddej ta’ Alla, il-Papa Piju XII. Din l-istatwa tal-Madonna li ilha fostna għal ħafna snin, hija xhieda tad-devozzjoni tal-poplu Malti lejn Omm Ġesù, lejn Marija ta’ Nazaret u fl-istess ħin hija wkoll sinjal tal-imħabba tas-suċċessur ta’ Pietru, tal-Q.T. il-Papa Franġisku.
Aħna llum ningħaqdu flimkien mal-Papa Franġisku u ma’ ħutna l-Kattoliċi kollha madwar id-dinja waqt li qegħdin infakkru l-100 sena mill-aħħar dehra tal-Madonna ġewwa Fatima. Aħna m’aħniex imsejħin biex nemmnu fid-dehriet; id-dehriet huma doni ta’ Alla li jingħataw lil individwi magħżula u l-Knisja għandha d-dover tistħarriġhom u tilqagħhom jekk ikunu ġejjin minn Alla. Aħna llum qegħdin niċċelebraw il-fidi fil-Mulej Ġesù li tana lil Marija bħala Ommu meta kien imsallab fuq is-salib. Qegħdin inġeddu l-fidi tagħna fil-Mulej li bagħat lill-anġlu tiegħu lil Marija ta’ Nazaret u li waqt li sellmilha mimlija bil-grazzja, jistedinha tissieħeb fil-pjan ta’ salvazzjoni li l-Mulej għandu għall-umanità.
Il-Liturġija ta’ din it-tifkira tfakkarna fil-qalb bla tebgħa ta’ Marija, dik il-qalb li rat, semgħet u kienet tgħożż kollox. Għal darbtejn, fl-Evanġelju ta’ San Luqa, insibu din l-espressjoni: “U Marija żammet dan kollu fil-qalb tagħha u kienet taħseb fuqu.” (Lq 2, 19.51) Il-qalb bla tebgħa ta’ Marija hija qalb li timmedita dak li jgħid Alla u dak li jagħmel Alla. Hija qalb bla tebgħa għax il-Mulej ħares lil Omm Ġesù minn kull tebgħa tad-dnub u għalhekk hija qalb immakulata, hija l-qalb ta’ Marija mnissla mingħajr tebgħa.
Aħna m’aħniex obbligati nemmnu fid-dehriet imma obbligati nemmnu fi-tagħlim tal-Evanġelju.
Fid-dehriet tagħha l-Madonna — meta titkellem mhux magħna imma ma’ individwi magħżula — dejjem tibqa’ mingħajr ħafna ripetizzjonijiet u mingħajr ħafna diskors żejjed, fuq li aħna nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù u għalhekk nikkonvertu. Fit-tielet misteru tal-Misteri tad-Dawl aħna nfakkru lill-Mulej jistieden għall-indiema għaliex waqqaf is-Saltna ta’ Alla. U għalhekk il-Madonna tirrepeti l-istess messaġġ ta’ Binha. Fl-Evanġelju nsibu li l-aħħar kelma li tgħid il-Madonna — u dik hija l-iżjed kelma importanti — hija i-kelma li tingħatalna fl-Evanġelju skont San Ġwann: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu.” (Ġw 2, 5) Mela d-dehriet kollha tal-Madonna diġà qegħdin fil-messaġġ tal-Evanġelju u aħna m’aħniex obbligati nemmnu fid-dehriet imma obbligati nemmnu fi-tagħlim tal-Evanġelju.
Il-messaġġ tal-Madonna dejjem hu messaġġ sempliċi u essenzjali.
Kemm tkun ħaġa sabiħa jekk aħna, bħala poplu ta’ Alla, iżjed milli nintrabtu mal-ispettakolari, nintrabtu mal-essenzjali. Il-messaġġ tal-Madonna fid-dehriet approvati mill-Knisja dejjem hu messaġġ sempliċi u essenzjali. Jekk tqis l-messaġġ tal-Madonna lil Bernadette Soubirous ġewwa Lourdes, jekk tqis il-messaġġ tal-Madonna lit-tliet ragħajja ġewwa Fatima 100 sena ilu, issib li hemm qbil għaliex il-Madonna qed tistieden lill-Knisja, lill-poplu ta’ Alla, lill-bnedmin kollha għal ħajja aħjar.
Kemm fid-dehriet ta’ Lourdes u kemm fid-dehriet ta’ Fatima, il-Madonna kellmet liċ-ċkejknin, Bernadette Soubirous, tfajla żgħażugħa, u ġewwa Fatima lil tliet ragħajja ċkejknin. Il-laqgħa tagħhom mal-Madonna tgħinhom fil-mixja ta’ qdusija. Difatti, tnejn minn dawn it-tliet ragħajja ta’ Fatima llum huma ddikjarati mill-Knisja qaddisin: Fransisco u Ġjaċinta u nawguraw li ’l quddiem ukoll ikollna l-kanonizzazzjoni ta’ Swor Luċija.
Swor Luċija baqgħet ħajja biex tkompli xxerred ma’ min irid jisma’ l-messaġġ veru ta’ Fatima, li mhuwiex xi ħaġa miżjuda mal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu u mat-tagħlim li hemm fit-Testment l-Ġdid, imma huwa messaġġ biex ifakkarna fit-tagħlim tal-Evanġelju u l-Evanġelju jibda bl-istedina ta’ Ġesù Kristu: “Is-saltna ta’ Alla hi fil-qrib. Indmu u emmnu l-bxara t-tajba”. Kif se nindmu u nemmnu? Billi nagħmlu frott ta’ ndiema u l-frott tal-indiema huma l-opri tal-ħniena.
Jekk aħna rridu niċċelebraw tassew l-ewwel ċentinarju minn din l-esperjenza mistika ta’ dawn it-tliet itfal, għandna nitgħallmu mill-istedina li tagħthom il-Madonna biex nagħmlu opri tal-ħniena: kemm l-opri li jmissu l-ġisem u kemm l-opri li jmissu r-ruħ. Meta kellna s-Sena tal-Ħniena l-Papa Franġisku żied opri oħra ma’ dawk tal-ħniena, fosthom żied li nħarsu l-ambjent. Ejjew nitolbu biex aħna nilqgħu l-kelma tal-Papa Franġisku, li meta kien Fatima fit-13 ta’ Mejju li għadda, talab għal mumenti ta’ skiet u talab għall-Knisja: talab għal kull wieħed u waħda minna.
Hi għallmitna triq li ma tfallix: it-talba tar-Rużarju Mqaddes.
Aħna llum inressqu quddiem Marija ta’ Nazaret li dehret lit-tliet ragħajja ta’ Fatima mitt sena ilu, it-talb kollu tagħna. Nitolbuha biex taqlgħalna mingħand il-Mulej dak kollu li għandna bżonn fir-ruħ u fil-ġisem. Nitolbu biex bl-interċessjoni tagħha d-dinja tikkonverti lejn Ġesù. Hi għallmitna triq li ma tfallix: it-talba tar-Rużarju Mqaddes.
M’ilux kont qed inkellem katekist u dan staqsa lit-tfal tal-katekiżmu: “Intom tafu tgħiduh ir-Rużarju?” U kellu ħafna ħars ċass. Jiena nagħmel appell lill-familji, lin-nanniet, lill-katekisti, lis-saċerdoti: għallmu t-talba tar-Rużarju lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Hija talba sempliċi. L-ingredjenti tagħha huma l-iżjed talb sempliċi: il-Missierna, il-Glorja, is-Sliema u l-Qaddisa. Imbagħad il-misteri, li huma l-ħajja ta’ Ġesù u tal-Madonna, mit-tnissil ta’ Ġesù sal-glorja tal-Madonna bħala sultana tas-sena u tal-art. Illum ukoll imżewwqin bil-ħames Misteri tad-Dawl li jgħinuna nikkontemplaw anke l-ħajja pubblika ta’ Ġesù: il-magħmudija tiegħu fil-Ġordan, it-tieġ ta’ Kana, is-sejħa għall-indiema u t-tħabbira tas-Saltna ta’ Alla, it-trasfigurazzjoni fuq il-Muntanja Tabor, it-twaqqif tal-Ewkaristija f’Ħamis ix-Xirka.
Kemm hi ħaġa sabiħa li t-tfal tagħna jidraw iżommu kuruna tar-rużarju fil-but. Għandhom kuruna tar-rużarju? M’hemmx għalfejn tkun tad-deheb mastizz jew tal-madriperla! Li jkollok kuruna, anke sempliċi, tfakkrek fit-talb, fl-għajnuna u fil-protezzjoni tal-Madonna!
U dan huwa l-messaġġ konkret li nixtieq nagħti lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Ħadt pjaċir narahom jagħmlu l-pageant, ħadt pjaċir li kellhom l-umbrelel u mbagħad ippruvaw — mhux kulħadd irnexxielu f’daqqa — jagħlquhom ukoll u kellna ħafna beraq pront u ħafna sħab. Ma ninsewha qatt din ix-xena tal-Madonna tiela’ minn wara l-artal. Importanti ħafna li aħna niftakru fil-messaġġ tal-Madonna li tħares lejn l-umanità bi ħniena u mogħdrija u tgħidilna dak il-kliem qaddis: “Agħmlu dak li jgħidilkom Ġesù”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja