L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ismu huwa Ġwanni” (Lq 1:63). Dawn il-kelmiet ta’ missier din it-tarbija li tagħha qegħdin niċċelebraw it-twelid, għandhom effett straordinarju, l-ewwel nett fuq min qiegħed jisma’ “kulħadd baqa’ mistagħġeb” (Lq 1: 63).

Kulħadd baqa’ mistagħġeb li Żakkarija kkonferma dak li qalet l-omm, Eliżabetta, li isem it-tarbija mhux se jkun Żakkarija għal missieru, mhix kwistjoni ta’ dinastija li tagħraf id-demm u l-laħam, imma hu isem magħżul minn Alla bħalma hi magħżula minn Alla l-missjoni ta’ din it-tarbija. Imma l-effett ta’ dawn il-kliem li l-missier jikteb għax għadu ma jistax jitkellem, huma wkoll straordinarju fuq il-missier stess li jikkonferma l-kelma tal-mara tiegħu, Eliżabetta, u fl-istess ħin ukoll huma att ta’ ubbidjenza lill-Arkanġlu Gabrijel, li meta ħabbar lil Żakkarija li kellu din il-possibbiltà li qabel ma kinitx prevedibbli li jkun missier, qallu t-tarbija jsemmiha Ġwanni. U Żakkarija “dak il-ħin stess li kkonferma l-isem tat-tarbija jinfetaħlu fommu, ilsienu jinħall u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla” (Lq 1:64).

“Ismu huwa Ġwanni.” Ismu jfisser Alla ħanin, Alla jħenn – ‘Yoħanan, Ġwanni’. U l-effett tal-konferma, mhux biss hu l-ubbidjenza għall-kelma ta’ Alla imma wkoll il-kapaċità li Żakkarija nnifsu jsir xhud u ħabbar tal-għeġubijiet tal-Mulej. “Infetaħlu fommu, ilsienu nħall u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla”.

Illum nersqu lejn il-papà ta’ Ġwanni l-Battista, lejn Żakkarija u nitolbu l-grazzja li aħna wkoll, li ħafna drabi aħna mfixklin mill-beżgħat, mill-impedimenti tal-ħajja, forsi mill-esperjenzi diffiċli li ngħaddu minnhom, aħna mfixklin milli nkunu xhieda konkreti ta’ kemm Alla hu ħanin. Ejjew nitolbu biex aħna wkoll fommna jinfetħilna, jinħall ilsienna, nibdew nitkellmu u nfaħħru lil Alla.

Ejjew nitolbu b’sens ta’ ringrazzjament u tifħir lil Alla li l-poplu tagħna jkompli fl-istituzzjonijiet kollha tiegħu, li jkun poplu li jħaddan lil kull tarbija li titwieled, kull tarbija li titnissel bħala don kbir ta’ Alla.

Kemm għandna bżonn li dawn il-verbi kollha li San Luqa jpoġġi biex jesprimi l-effett fuq il-papà ta’ Ġwanni, tal-konferma li ta tal-missjoni tat-tifel, kemm hu importanti li dawn il-verbi jkunu wkoll l-esperjenza tal-ħajja tagħna. Wara kollox hu Żakkarija stess li fl-innu li l-Knisja titlob kull filgħodu, dak li aħna nsejħulu l-‘Benedictus, Imbierek Int’, jagħti d-deskrizzjoni, it-tifsira tal-missjoni ta’ ibnu. Hu dak li jħejji t-triq lill-Mulej. Mhuwiex il-Mulej imma jħejjilu t-triq.

Min jiltaqa’ magħna, jiltaqa’ ma’ xi ħadd li fil-qalb ta’ dak li jkun iħejji t-triq għall-Mulej? Ħafna drabi jkun hemm min jitfixkel fit-triq tiegħu għax fina ma jarax xi ħadd li jiffaċilita l-laqgħa ma’ Ġesù imma li jfixkilha. Ejjew nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba l-eżempju tagħna ma kienx sabiħ biżżejjed, ma kienx eżempju ta’ xhieda qawwija li tfaħħar ’l Alla mhux biss bil-kliem imma wkoll fl-għemil.

Ejjew nitolbu b’sens ta’ ringrazzjament u tifħir lil Alla li l-poplu tagħna jkompli fl-istituzzjonijiet kollha tiegħu, li jkunu popli li jħaddan lil kull tarbija li titwieled, kull tarbija li titnissel bħala don kbir ta’ Alla.

Aħna llum qegħdin niċċelebraw it-twelid ta’ dak li ssejjaħ juri t-triq lill-Mulej Ġesù, jindikah bħala “ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1:29), ta’ dak li kellu l-kuraġġ jgħid: “M’iniex jien, ġej wieħed ieħor warajja.” “Jiena ma jistħoqqlix inħollu l-qfiel tal-qorq tiegħu” (Lq 3:16). “Hemm bżonn li niċkien jien u  jikber hu”.

Kemm għandna bżonn l-umiltà, il-kuraġġ u x-xhieda ta’ Ġwanni l-Battista. U kif il-Knisja titlob illum fil-prefazju, dik it-talba sabiħa ta’ qabel l-Ewkaristija, hu kkonferma x-xhieda tiegħu bit-tixrid ta’ demmu, ta ħajtu għall-prinċipji tal-kelma ta’ Alla, tal-fedeltà, tal-imħabba sabiħa. Jekk għandna bżonn protettur għall-fedeltà, għall-kelma li wieħed jagħti, u għall-imħabba sabiħa, ejjew nduru lejn Ġwanni li tilef rasu għall-prinċipji tiegħu, imma mhux fil-ġenn ta’ min ma jafx x’inhu jgħid, imma b’xhieda għall-verità.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 20:10-13
Salm: 68 (69):8-10,14,17,33-35
Qari II: Rum 5:12-15
L-Evanġelju: Mt 10:26-33

Aktar ritratti