-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor il-Kbir, Tas-Sliema
16 ta’ Diċembru 2018“Infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha bint Ġerusalemm” (Sof 3:14). Din il-profezija mill-profeta Sofonija, profeta li ma tantx naqraw kitbiet tiegħu, hija l-profezija li tiġbor l-ispiritwalità ta’ dan it-Tielet Ħadd tal-Avvent.
Imma li “tinfexx fil-hena u li tifraħ b’qalbek kollha” għal Alla mhijiex biss kwistjoni ta’ sentimenti imma hija l-frott ta’ ħelsien veru li aħna ngħixu ta’ kuljum. Jekk ma jkollniex bżonn dan il-ħsieb m’għandniex bżonn min jeħlisna; jekk m’aħniex konxji minn xi jasar li qed itaqqalna jew jgħabbina, m’għandniex bżonn tal-Feddej. Il-ferħ tagħna jiġi mill-fatt li għalkemm ikkonfrontati mid-dgħufija u mid-dnub tagħna, aħna nafu li hemm it-tama, il-fidwa, il-ħelsien, u hemm is-salvazzjoni. Dan il-ferħ qed inħossuh minħabba t-tama; għaliex ir-risposta għad-dlam li jfixkilna u hija d-dawl. Dan aħna nerġgħu nikkonfermawh fil-lejl tal-Milied meta nisimgħu lill-anġli jgħidu lir-ragħajja ta’ Betlehem: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej” (Lq 2, 10-11).
Fl-Avvent jalla nixxenqu għal Ġesu, nixxenqu għat-twelid tiegħu.
Għalhekk fil-bidu tal-Quddiesa fakkart lili nnifsi u lilna lkoll dik it-talba sempliċi imma profonda ta’ San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Dan il-bżonn huwa parti essenzjali mill-vjaġġ tal-Avvent. Fl-Avvent jalla nixxenqu għal Ġesu, nixxenqu għat-twelid tiegħu. Aħna u nifirħu bit-twelid tiegħu napprezzaw u nifhmu kemm għandna bżonnu. Imma dan il-bżonn irid ukoll jissarraf b’għażliet konkreti li jiswewlna ħafna; aħna ngħidulhom sagrifiċċju u sforzi. Għalhekk l-Evanġelju li smajna llum mill-Kapitlu 3 ta’ San Luqa, għal tliet darbiet isemmagħlna l-mistoqsija tan-nies li marru għand Ġwanni jitolbu l-indiema ta’ dnubiethom: “X’għandna nagħmlu?” (Lq 3:10). Din il-mistoqsija tirrepeti ruħha għal tliet darbiet u hija stedina biex l-Avvent tagħna jkun stennija konkreta.
…iżżejjed tagħna huwa responsabbiltà kbira li għandna biex aħna ntaffu x-xejn ta’ min m’għandux.
Ir-risposta ta’ Ġwanni hija risposta ta’ ndiema konkreta, mhijiex biss stedina għal sentiment jew għal proponiment imma hija aġenda konkreta. “Min għandu żewġ ilbiesi jaqsam ma’ min ma għandu xejn. Min għandu x’jiekol, jagħmel l-istess” (Lq 3:11), jaqsam ma’ min ma għandu xejn. Din hija l-ewwel stedina għall-ġenerożità billi nkunu solidali ma’ min m’għandu xejn. U allura x-xejn tiegħu jpoġġi fi kriżi żżejjed tagħna għaliex iżżejjed tagħna huwa responsabbiltà kbira li għandna biex aħna ntaffu x-xejn ta’ min m’għandux.
Fr Joe Inguanez u nsemmih b’ismu, għaliex irrid nagħmel rikonoxximent tal-copyright, illum jagħmel assonanza interessenti f’riflessjoniji li għamel f’wieħed mill-ġurnali ta’ nhar ta’ Ħadd. Qalha bl-Ingliż u diffiċli taqlibha għall-Malti imma nippruvaw ukoll. Hu jagħmel distinzjoni bejn profits u prophets bejn il-profitti u l-profeti, bl-Ingliż il-ħoss huwa l-istess, imma nifhmu li għażla hija l-għażla tal-Avvent. Għandna soċjetà li ma tridx tisma’ lill-profeti imma tisma’ l-vuċi tal-profitt. U allura għandna din l-għażla bejn profits u prophets, bejn il-profitti u l-profeti.
Nieħu l-opportunità biex insellem lil kull min qiegħed isegwi din l-omelija anke minn barra minn Malta permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. U nifhem li l-messaġġ ta’ Ġwann il-Battista fuq il-Kelma ta’ Alla llum huwa messaġġ attwali kullimkien fid-dinja.
Ħafna drabi r-regħba għall-gwadann issir l-alla tagħna u tkisser is-soċjetà, il-ġustizzja soċjali u l-paċi soċjali.
Isimgħu xi jgħid Ġwanni l-Battista lill-ħaddiema ċivili l-iżjed mibgħudin fl-istorja tal-umanità, jiġifeiri l-pubblikani, dawk li jiġbru t-taxxa: “Tissikaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu” (Lq 3:13), imxu ma’ xulxin bil-ġustizzja. Din hija l-Bxara t-Tajba li fil-ħajja tagħna tiftaħ il-bieb għall-veru ferħ. Lis-suldati li kellhom il-poter militari u l-awtorità tal-id tal-azzar tal-istat, jgħidilhom biex ma jkunux korrotti: “Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom” (Lq 3:14). Din hi kelma attwali ħafna. Ħafna drabi r-regħba għall-gwadann issir l-alla tagħna u tkisser is-soċjetà, il-ġustizzja soċjali u l-paċi soċjali.
Ġwanni l-profeta kellu jħallas b’ħajtu għall-kelma ta’ kuraġġ tiegħu. Kien konkret meta jitkellem fuq il-ferħ waqt li huwa ħabbar tal-Bxara t-Tajba. U aħna nilqgħu din il-bxara b’umiltà waqt li niftakru kemm il-Mulej berikna bi profeti kbar anke f’pajjiżna. Semmejt lil San Ġorġ Preca, kontemporanju tal-Arċisqof Mauro Caruana li b’qawwa u xewqa kbira għażel li jindifen hawnhekk f’din il-knisja. Hu kien strumentali biex din il-knisja jkollha l-arkitettura Romanika li għandha, inkluż ukoll it-titular għaliex hu, bħala Benedittin, kien japprezza lil San Girgor il-Kbir li kien ukoll monaku, kien apppostlu kbir fl-Ingilterra apparti li kien ukoll il-missier spiritwali ta’ San Mauro. Allura, lil dan l-Arċisqof li xtaq jindifen hawnhekk u li miet fis-17 ta’ Diċembru tal-1943, infakkruh mhux biss bħala l-bniedem li sar isqof fl-1915, imma bħala l-bniedem li beda mill-ewwel jipprova jimplimenta r-riformi li kien hemm bżonn. L-ewwel parti tal-ministeru tiegħu kienet din il-ħaġa li jeżamina diversi isitituzzjonijiet reliġjużi li sab u li kienu għadhom ġodda u jagħmel investigazzjoni fuq kull wieħed minn dawn l-istitutuzzjonijiet, inkluż is-Soċjetà ta’ Dun Ġorġ Preca, is-sorijiet ta’ Nuzzo u tant oħrjan. Imma kien jinsisti ħafna fuq ir-riforma tal-liturġija. Jiena nitlob ħafna l-interċessjoni tiegħu għaliex 100 sena wara għandna bżonn li nerġgħu nagħfsu r-reset button.
Mons. Mauro Caruana kien ukoll isqof li lejn it-tmiem tal-ministeru tiegħu bata minħabba l-ambjent politiku diffiċli ta’ pajjiżna. Din il-ħaġa donnha tirrepeti ruħha f’kull episkopat. Għalhekk nitolbu għal ruħu. Nitolbu wkoll għall-interċessjoni tiegħu l-ewwel nett għalija bħala s-suċċessur tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta, nitolbu għall-isqfijiet kollha tad-dinja u nitolbu għal din il-parroċċa għażiża. Illum tiġini ħafna nostalġija għas-snin li kont niġi hawnhekk fil-weekends. Ċertu wċuh għadni nagħrafhom imma oħrajn nimmisjahom għaliex qegħdin isegwuwna mill-ġenna. Imma aħna bħala komunità ta’ fidi hemm bżonn li t-tama li jġibilna dan il-ferħ li qegħdin infakkru u niċċelebraw illum, nifhmu li aħna Knisja waħda, xirka ta’ qaddisin ma’ ħutna li telqu qabilna imma fl-istess ħin ukoll f’xirka ta’ qaddisin li qed nippruvaw ngħixu ħajja ta’ tama, ħajja ta’ fidi u ħajja ta’ mħabba fuq din l-art.
Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħ fis-sliem, Ammen.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-