L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Żgur li jolqotna kemm in-nies li kienu morda bil-lebbra, fi żmien Ġesù u anke qablu, kienu nies esklużi, imwarrbin mis-soċjetà. Fil-Ktieb tal-Levitiku, fl-Ewwel Qari, hemm fil-fatt il-liġijiet li kienu jorbtu lil dawn li kienu morda bil-lebbra biex joqogħdu għalihom, ’il bogħod min-nies kemm jista’ jkun, u jekk jaraw xi ħadd riesaq lejhom, jgħajtu biex ħadd ma jersaq; kienu jgħajtu li huma mniġġsin. Dak iż-żmien l-iskop kien li jipproteġu lin-nies, biex ħadd ma jittieħed għax ikun viċin. Kienet marda li mhux biss ma kienx hemm fejqan għaliha, imma wkoll li min kien marid biha kien ikun emarġinat, eskluż, imwarrab.
Flok jaħrab, Ġesù jmiss lil-lebbruż
Għalhekk, tolqotna f’din il-ġrajja kif dan il-lebbruż irriskja meta resaq lejn Ġesù biex jitolbu jfejqu. Kien qed imur kontra l-liġi, imma għamel hekk mhux b’kapriċċ imma għax emmen li Ġesù seta’ jfejqu tassew. U Ġesù rriskja aktar, għax flok telaq ’l hemm, mhux biss fejqu bil-kelma, kif ġieli għamel, imma messu hu u jfejqu. Għandna għalhekk dan il-kuntrast: dan il-bniedem li suppost kellu jgħajjat biex ħadd ma jersaq lejh, minflok niżel għarkopptejh u għajjat: “jekk trid, tista’ tfejjaqni”; u Ġesù, li suppost ħarab b’kemm kellu saħħa, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf”.
L-imħabba preferenzjali ta’ Alla
Hi ġrajja sabiħa li turina mhux biss il-qawwa li kellu Ġesù biex ifejjaq, imma turina ħafna l-imħabba ta’ Alla lejn kull bniedem, u speċjalment lejn dawk li huma b’xi mod imwarrbin, emarġinati. Dak li naraw hawnhekk narawh fil-ħajja kollha ta’ Ġesù – li ġie biex iwassal l-imħabba ta’ Alla lejn kulħadd, li ġie biex isalva ’l kulħadd, u b’mod speċjali lil dawk li s-soċjetà kienet twarrabhom. Hu ried jinkludihom lura, jintegrahom fis-soċjetà, u jwasslilhom l-imħabba ta’ Alla. Kien anzi jfittixhom u joħloq okkażjonijiet biex jiltaqa’ magħhom.
Dan kien Ġesu li ried iwassal min hu Alla: Alla li jimpurtah mill-bniedem, li ma jrid lil ħadd ikun imwarrab għaliex, kif nafu, waħda mill-aktar esperjenzi koroh fil-ħajja hi jekk tħossok imwarrab, rifjutat, u mqiegħed fil-ġenb. Għalhekk Ġesù ried li lil dawn jinkludihom fil-familja tiegħu, fil-poplu tiegħu.
Qatt m’għandna ngħidu fuq xi ħadd: affarih, affariha, jien ma jimpurtanix. Għandhom ikunu f’qalbna.
Biex ħadd ma jkun eskluż
Ġesù ried ukoll li dak li jagħmel hu jgħaddih lilna, dixxipli tiegħu, lill-Knisja kollha, lil kull wieħed u waħda minna, biex aħna wkoll, jekk irridu nimxu warajh tassew, ikollna l-istess spirtu. Għalina wkoll kull bniedem hu importanti u jekk xi ħadd hu emarġinat, irridu naraw kif ninkluduh fil-familja ta’ Alla. U tajjeb li nistaqsu: min jista’ jkun illum eskluż u emarġinat fis-soċjetà? Żgur li nistgħu naħsbu f’diversi. Ħa nsemmi xi wħud:
- Jistgħu jkunu nies, ta’ ġilda differenti minna, li kultant għaddew minn trawmi kbar, minn esperjenzi koroh f’ħajjithom, u spiċċaw ifittxu kenn f’post ieħor. Il-Papa Franġisku jgħid li dawn huma nies ta’ ħajja mċarrta li kellhom jaħarbu minħabba kriżijiet umanitarji serji. Għalhekk, fina, li nemmnu f’Ġesu, għandhom isibu dawk li joffrulhom ambjent fejn iħossuhom milqugħa, imħarsa, imwieżna u integrati.
- Jistgħu jkunu nies li baqgħu lura tort tal-ambjent li fih kibru, tfal li kellhom problemi fil-familja u dejjem baqgħu jqisuhom mhuma tajbin għal xejn; ġew esklużi mis-sistema u qatt ma kellhom l-opportunitajiet xierqa minħabba l-ambjent familjari.
- Jistgħu jkunu nies waħedhom, li jippreferu li ma jagħmluhiex man-nies, u li forsi huma stess draw joqogħdu għalihom u kemm jista’ jkun ’il bogħod mill-oħrajn.
- Jistgħu jkunu nies fil-Knisja, li jħossuhom, għal raġuni jew oħra, imwarrba.
Li jrid minna Ġesù hu li dawn ikunu qabel xejn f’qalbna. Aħna qatt m’għandna ngħidu fuq xi ħadd: affarih, affariha, jien ma jimpurtanix. Għandhom ikunu f’qalbna. Anke jekk xi persuna, minħabba raġunijiet tagħha, ma tridx tersaq, ma għandniex inkunu aħna li b’xi mod nimbuttaw lin-nies lil hemm. Imma, kif għamel Ġesù, għandu jkollna dawn l-emarġinati f’qalbna biex inwasslulhom tassew l-imħabba ta’ Alla.
L-Aħbar it-Tajba tixxandar
Ħaġa li tolqtok, f’dan ir-rakkont, hu lejn l-aħħar, meta Ġesù, lil dan li kien marid bil-lebbra, jgħidlu “qis li ma tgħid xejn lil ħadd”. Ħalliha li ma tantx għamel kif qallu! Imma għaliex Ġesù jgħidlu hekk? Għax hawn qegħdin fil-bidu, fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark. Hawn jgħidlu biex ma jgħid xejn lil ħadd għax Ġesù kien jaf li l-mument li jmur jgħid, in-nies se jieħdu idea ta’ Ġesù li hu bniedem li jagħmel l-għeġubijiet, u jitilfu l-qalba tal-messaġġ tiegħu.
Araw il-kuntrast fl-aħħar kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark, meta Ġesù jgħid lid-dixxipli: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mark 16:15). Lil dan qallu biex ma jgħid xejn lil ħadd, imma lid-dixxipli jgħidilhom imorru jxandru l-Bxara t-Tajba. Aħna għal dan msejħin: biex inxandru lil Ġesù kif wera lilu nnifsu – mhux sempliċiment bħala bniedem li jagħmel l-għeġubijiet, bħalma kien hemm diversi, imma bħala Alla li jħobb lill-bniedem, li jimpurtah, u li jrid li min hu emarġinat jiġi lura fil-familja tiegħu.
Nitolbu għalhekk li aħna dejjem ikollna f’qalbna din l-imħabba ta’ Alla, u li aħna nkunu sinjal għall-oħrajn tal-imħabba ta’ Alla li ma teskludi lil ħadd anzi li tistieden lil kulħadd biex ikun parti mill-familja tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju