L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art” (Mt 10:34). Dan huwa li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew, lill-appostli tiegħu, u kif nisimgħu dil-kelma żgur li ninħasdu. Dan mhuwiex Ġesù li dejjem nassoċjawh mal-paċi, sa minn meta twieled? Niftakru l-anġli jħabbru lir-rgħajja: “Paċi fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu” (Lq 2:14) – li jogħġbu lil Alla. Ġesù nnifsu fil-Beatitudnijiet, kien qal: “Ħenjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9). U nafu li Ġesù, ma’ min kien kontrih, ma’ min ippersegwitah, dejjem ġab ruħu b’imħabba u b’maħfra.
Meta naqraw ftit iktar, jiġu l-istess mistoqsijiet, meta Ġesù jgħid: “ġejt biex inġib mhux il-paċi imma s-sejf”. Dan mhuwiex l-istess Ġesù li fl-Ort tal-Ġetsemani, lil wieħed mid-dixxipli – l-Evanġelista San Ġwann jgħid li kien Pietru – meta ħareġ is-sejf u qatgħa l-widna tal-qaddej tal-qassis il-kbir, qallu biex idaħħal is-sejf “għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered” (Mt 26:52)? U iktar ’il quddiem, meta jitkellem fuq konflitt minn tal-familja stess, dan mhuwiex l-istess Ġesù li talab fl-Aħħar Ċena, għad-dixxipli tiegħu: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda?” (Ġw 17:21)?
Nifhmu l-kliem ta’ Ġesù meta aħna naraw x’fehmu l-appostli tiegħu b’dak li qal. Nafu li l-appostli ma fehmux, b’ebda mod, li huma għandhom ikunu nies li jġibu l-konflitt, id-diviżjoni, u li jaħdmu kontra l-paċi. Mhux dan li fehmu l-appostli. Anzi, li ġara kien – u hawn fehmuh sew x’qed jgħid – li minħabba li għażlu lilu, uħud minnhom spiċċaw imwarrba min-nies tal-familja stess. Dan hu l-konflitt li jsemmi Ġesù. Mhux għax huma, id-dixxipli, iġibu l-konflitt imma għax jispiċċaw vittmi tal-konflitt, anke mill-familja stess. Dan narawh ukoll fl-Ewwel Insara. Uħud minnhom, għax imxew wara Ġesù, flok sabu appoġġ min-nies tal-familja, spiċċaw daru kontrihom, ippersegwitati min-nies ta’ darhom stess, kif jgħid Ġesù hawn: “in-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu” (Mt 10:36). Dan li qed jgħid Ġesù. Mhux għax id-dixxipli jġibu l-firda jew jaħdmu kontra l-paċi, imma minħabba li għażlu lilu, jispiċċaw vittmi ta’ nies li jwarrbuhom, anke nies qrib tagħhom.
Għalhekk Ġesù hawnhekk jitkellem fuq il-bżonn li nagħrfu li meta nagħżlu lilu u nimxu warajh, ġieli se ngħaddu minn tbatija, bħalma jgħid: “min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħu” (Mt 10:38). Hi din l-għażla li jrid Ġesù, għażla li tfisser kultant tbatija, imma hija għażla mingħajr kompromessi.
Ġesù hawnhekk jitkellem ukoll – u dan hu messaġġ tant importanti għalina – fuq kif il-komunità tad-dixxipli tiegħu għandha tkun komunità ta’ akkoljenza u mħabba. Fil-fatt jgħid: “min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili” (Mt 10:40). Jiġifieri qed jidentifika ruħu ma’ dawk li se jmorru jxandruh: jekk jilqgħuhom, ikunu qed jilqgħu lil Ġesù stess. Nafu li Ġesù ġieli għamilha din. Niftakru fl-opri tal-ħniena, meta qal: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Hawn jitkellem fuq kemm hu importanti li fil-komunità ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù jkun hemm dan l-ambjent ta’ mħabba u li wieħed jieqaf ma’ dawk li huma fil-bżonn, bħalma jsemmi: “kulmin jagħti tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (Mt 10:42). Hu dan li jixtieq Ġesù minna, bħala l-komunità tad-dixxipli tiegħu, li aħna nibnu ambjent ta’ mħabba, ambjent li jilqa’, fejn nieqfu tassew ma’ dawk li huma fil-bżonn.
Nitolbu lill-Mulej li aħna nimxu dejjem warajh u nagħmlu dan b’għażla ċar mingħajr kompromessi, li nkunu lesti wkoll li nbatu fejn meħtieġ minħabba din l-għażla, imma wkoll li min-naħa tagħna nfittxu li nibnu ambjent ta’ mħabba li jilqa’, u ambjent fejn ilkoll naħdmu biex nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Ritratt: Luis Quintero