L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kemm hi ħaġa sabiħa li nersqu lejn Ġesù, u naċċettaw li għandna bżonnu. “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda” (Mt 9:12).
Ġesù ma jistħix mill-mard tagħna, ma jitwarrabx mid-dgħufija tagħna. Ġie fostna l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, bħala Tabib tar-Ruħ. “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom,” (Mt 11:28) jgħid il-Mulej. Il-Kelma Tiegħu hija importanti wkoll għal kull wieħed u kull waħda minna: “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju” (Mt 9:13). Il-ħniena li nużaw bejnietna hija l-aqwa sagrifiċċju; hija l-aqwa att ta’ qima lill-Mulej. “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36) li hu fis-smewwiet. “Aħfru, u ssibu l-maħfra” (Lq 6:37); “itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom” (Lq 7:7). Lil kull wieħed u waħda minna, Ġesù jagħti l-istedina li ta lil Mattew, mitluf quddiem il-mejda tat-taxxi: “Ejja warajja” (Mt 9:9).
Aħna llum rridu nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ħniena li wera ma’ Henry u ma’ Inez, li laqgħu s-sejħa tiegħu li jgħixu l-ħajja ta’ miżżewġin, u li fiha jsibu l-ħniena u l-qdusija. Kemm hi ħaġa sabiħa, li aħna llum qegħdin nikkonkludu l-proċess u l-fażi djoċesana tal-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ dawn il-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani, proprju fil-Knisja Parrokkjali li fiha żżewġu fl-1944, 80 sena ilu. Kemm hi ħaġa sabiħa, li dawn il-ħitan, li 80 sena ilu kienu xhieda tal-kunsens tagħhom tal-wegħda tal-imħabba tagħhom, illum ikunu xhieda wkoll ta’ pass importanti fir-rikonoxximent ta’ dak kollu li Alla għamel fihom u permezz tagħhom. Jalla l-Mulej jagħżilhom bħala xhieda tal-imħabba tiegħu, eżempju ta’ fedeltà, ta’ umiltà, u ta’ qdusija mingħajr ħafna daqq ta’ trombi.
Kultant tisma’ min jgħidlek: “Imma dawn x’għandhom speċjali iżjed minn miżżewġin oħrajn?” Ma nafx nirrispondi. Inħallu lil Alla jikkonferma d-dixxerniment tal-Knisja bil-miraklu li hu se jagħmel bl-interċessjoni tagħhom. Mhix kwistjoni ta’ malajr u bil-mod; għax iż-żmien f’idejn Alla. Forsi qatt ma ħlomna li naslu għal dan il-jum, imma wasal. Dan il-jum huwa frott ta’ xogħol ta’ ħafna nies.
Illum huwa l-mument li nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dak kollu li għamel ma’ Henry u ma’ Inez; imma wkoll huwa l-mument tal-gratitudni ta’ tant nies li emmnu li fil-ħajja miżżewġa hemm ħafna qdusija, u li f’Henry u Inez, il-Mulej qed jagħtina eżempju llum ukoll. Ma hemmx għalfejn ngħidilkom kemm illum għandna bżonn xhieda ta’ mħabba leali, ta’ fedeltà, ta’ umiltà u ta’ ħniena fiż-żwieġ. F’Inez u Henry irridu nsellmu lil tant miżżewġin qaddisin oħra li l-Mulej biss jaf bihom. Darba minnhom lil San Ġorġ Preca, xi ħadd għamillu din id-domanda; imma ovvjament kienet nasba ħelwa: “Sinjur, f’Malta għandna qaddisin?” Dun Ġorġ waqaf u qallu: “Iva, għandna ħafna nisa miżżewġin”. Nimmaġina li n-nisa miżżewġin ma jistgħux jeżistu mingħajr ħafna rġiel qaddisin ukoll. Nifhem li l-miżżewġin iqaddsu lil xulxin. Għalhekk, meta t-Tabib Spiteri lil Dun Ġorġ staqsieh: ‘Sinjur, ħa niżżewweġ, tagħtini xi parir?’ Qallu: “Mur id-dar ibni, u fuq il-blata ta’ kull bieb ikteb tliet kelmiet: paċenzja, paċenzja, paċenzja”. Dun Ġorġ ried jifhem li bil-paċenzja li jieħdu b’xulxin, il-miżżewġin jitqaddsu. Għax il-paċenzja hija l-kapaċità li tħobb anke meta l-imħabba jkollha prezz għoli u ssir diffiċli. Il-paċenzja hija l-miżura ta’ min iħobb mhux biss fil-bnazzi imma anke fil-maltemp.
Aħna llum, waqt li nissottomettu ruħna lil Alla, li hu l-uniku li jaf il-qalb vera tal-bniedem, nitolbu bl-interċessjoni ta’ Henry u ta’ Inez għall-miżżewġin kollha tagħna.
Bħalma kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar qegħdin nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, u l-frott tal-imħabba ta’ Henry u Inez hija mara kkonsagrata lil Ġesù u li llum qeigħda hawnhekk fostna, bħal għada, l-ewwel Sibt tax-xahar, nitolbu għal dawk iż-żgħażagħ li l-Mulej qed isejjaħ għaż-żwieġ Nisrani. Nitolbu bl-inteċessjoni ta’ Henry u Inez Casolani biex iż-żgħażagħ tagħna, li għandhom forsi xrara ċkejkna li jagħtu ħajjithom lil xulxin, jagħmlu kuraġġ u ma jinsewx li l-impenn Sagramentali taż-Żwieġ, mhuwiex biss it-triq tal-paċenzja imma wkoll triq tal-ferħ, ta’ għotja ġeneruża; huwa sagrament li jibni lill-Knisja.
Illum nitolbu lil Alla li l-miżżewġin kollha jfakkarhom fil-kelma li smajna fis-Salm: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4:4). Fil-ħajja ta’ Henry u Inez isseħħ din il-Kelma. Ħadmu għall-ħobżna ta’ kuljum li l-Mulej stess għallimna nitolbuhielu: “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” (Mt 6:11). Imma għallimna wkoll nitolbu: “jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art” (Mt 6:9-10).
Jalla l-ispiritwalità li għallimna fit-talba tiegħu li aħna nirrepetu f’kull quddiesa, tkun ukoll dik li ssebbaħ, twettaq u seddaq il-ħajja tal-miżżewġin tagħna. Jalla l-Mulej ukoll jagħtina l-grazzja li f’dawn il-miżżewġin, li l-Knisja qed tiddixxerni l-ħajja tagħhom, il-Mulej, meta jrid hu, jagħtina eżempju u qawwa ta’ min jidħol għalina fil-misteru tax-Xirka tal-Qaddisin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta