L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Nisimgħu ta’ spiss fi żmienna min jgħid: kemm sirna materjalisti! Li jfisser, speċjalment fil-pajjiżi għonja, li ħafna min-nies ifittxu li dejjem ikollhom, li jakkwistaw aktar; qatt mhuma kuntenti b’li għandhom, imma dejjem ifittxu li jkollhom xi ħaġa oħra.
X’qed tfittex il-folla
Aħna ngħidu “sirna materjalisti”, imma jekk nagħtu ħarsa lura nindunaw, bħalma rajna fl-Evanġelju llum skont San Ġwann, li din kienet ukoll it-tendenza fi żmien Ġesù. Proprjament mhux “sirna” imma din qiegħda fil-ħajja tal-bniedem. Fil-fatt, Ġesù, meta ra folla nies warajh, hu li jagħraf il-qalb, fehem għal xiex kienu ġew warajh. Dawn in-nies kienu l-istess nies li Ġesù kien għamel il-miraklu magħhom meta tema’ ’l fuq minn ħamest elef ruħ b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Għalhekk in-nies kienu kielu u xebgħu. U Ġesù hekk jgħidilhom lin-nies: intom ġejtu warajja għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Intom qed timxu warajja issa għax b’li għamilt, tajtkom dak li ridtu dak il-ħin. Allura tgħidu: tajjeb, nimxu warajh u jkollna dak li għandna bżonn.
Il-valuri li verament jagħmlu l-ħajja sabiħa bħall-imħabba, il-ferħ, il-paċi u s-serenità – dawn ma tixtrihomx bil-flus, ma jinxtrawx. Dawn tista’ tgħixhom
Imma mbagħad jgħidilhom: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”. Ġesù ied jurihom li l-ħażin mhux għax huma jfittxu dak li għandhom bżonn fil-ħajja, imma jekk dan isir l-uniku skop, mhux il-bżonn biss imma li jkollhom, li jakkwistaw, u jinsew dak li hu importanti, hemmhekk ikunu żbaljati, hemmhekk in-nies ikunu tilfu d-direzzjoni. Għalhekk Ġesù jgħidilhom: tħabtu għal dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.
Meta niġru wara dak li jgħaddi
Il-kliem ta’ Ġesù hu messaġġ importanti anke għall-ħajja tagħna llum. Jista’ jiġrilna li nitħabtu għal ħafna affarijiet li huma tajbin – u nixtieqkom tinnutaw li dawn in-nies, meta ġrew wara Ġesù, mhux għal ħaġa ħażina, għal ħaġa tajba; f’Ġesù ma fittxewx xi ħaġa ħażina imma xi ħaġa tajba, jiġifieri tħabtu għal dak li hu tajjeb. Imma jista’ jiġrilna li nitħabtu ħafna għal dak li hu tajjeb fih innifsu, mhux għall-ħażin, imma tant inkunu meħudin b’dan it-taħbit tagħna li nitilfu dak li hu l-iktar importanti; u li jidħol f’moħħna l-ħsieb li jrid ikollna, nakkwistaw, iktar ma jkollna u aktar ma nkunu komdi, aktar aħjar fil-ħajja. L-agħar hu meta dan ifixkilna milli napprezzaw tassew dak li hu l-iktar importanti u sabiħ fil-ħajja.
Aħna nafu li meta nsibu lilu, hemm fih insibu l-milja ta’ dak li f’ħajjitna hu l-iktar importanti u ta’ dak li jagħmel il-ħajja tagħna sabiħa.
Dan kultant jaffettwa anke l-mod kif aħna nħarsu lejn l-oħrajn. Jekk tħares lejn in-nies u tara biss fihom x’tista’ takkwista, x’tista’ tikseb mingħandhom, il-pjaċir li jistgħu jagħmlulek jew jagħtuk, u n-nies ifissru biss hekk, tkun dħalt fil-mentalità li lejn l-oħrajn tħares biss biex tara x’tista’ takkwista.
U naraw dan ukoll anke fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, anke fit-talb tagħna. Jekk it-talb tagħna hu biss “għandi bżonn hekk, u bżonn hekk, u bżonn hekk” u nieqfu hemm fil-bżonnijiet tal-ħajja ta’ kuljum u hekk biss, inkunu qed inħarsu lejn Alla bħala dak li jagħtina dak li għandna bżonn issa, bħalma dawn in-nies marru wara Ġesù biex ikompli jagħtihom x’jieklu.
X’għandna nagħmlu?
Li għamlu tajjeb dawn in-nies hu li daħlu fi djalogu ma’ Ġesù. Anke meta kkritikahom, komplew jistaqsuh biex ikunu jafu aktar. U jagħmlu dik il-mistoqsija tant importanti: “x’għandna nagħmlu?”.
Din il-mistoqsija importanti li nagħmluha aħna fil-ħajja tagħna: x’għandna nagħmlu? Ġesù jgħidilna x’għandna nagħmlu: inqiegħdu l-ewwel dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja. U l-affarijiet l-oħra nużawhom daqskemm jgħinuna biex ngħixu dak li hu l-iktar importanti. Jekk naħsbu ftit, il-valuri li verament jagħmlu l-ħajja sabiħa bħall-imħabba, il-ferħ, il-paċi u s-serenità – dawn ma tixtrihomx bil-flus, ma jinxtrawx. Dawn tista’ tgħixhom, imma ma tridx tħalli affarijiet oħra jfixkluk milli tgħixhom. Għalhekk Ġesù jgħidilna: tħabtu għal dak li hu l-aktar importanti. Aħna nafu li meta nsibu lilu, hemm fih insibu l-milja ta’ dak li f’ħajjitna hu l-iktar importanti u ta’ dak li jagħmel il-ħajja tagħna sabiħa.
Tajjeb li nagħmlu din it-talba llum lil Ġesù. Nitolbuh biex nitħabtu għal dak li hu l-aktar ta’ valur fil-ħajja, nużaw l-affarijiet l-oħra daqskemm jgħinuna tassew ngħixu dak li hu l-aktar ta’ valur fil-ħajja, u ma nħallux l-affarijiet li jkollna jew il-ħerqa biex ikollna jfixkluna milli ngħożżu u napprezzaw dak li hu l-isbaħ fil-ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju