Nhar is-Sibt 11 ta’ Mejju fis-6.00pm l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser jagħti l-Ministeru tal-Lettorat lil tliet seminaristi, fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien. Dawn huma s-Seminarista Carlo Calleja mill-Parroċċa ta’ Stella Maris, tas-Sliema, Christopher Ellul mill-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid u Mark Joseph Zammit mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien,
Bil-Ministeru tal-Lettorat is-seminaristi jsiru qarrejja uffiċjali tal-Kelma t’Alla waqt il-quddies u waqt ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra. Huma ser ikollhom ukoll ir-responsabiltà li jxandru l-Kelma t’Alla permezz tal-katekiżmu kif ukoll waqt laqgħat oħra ta’ formazzjoni nisranija. Dan il-Ministeru jingħata lis-seminaristi li jkunu waslu fil-ħames sena tal-formazzjoni tagħhom fis-Seminarju u għalhekk dan ikun pass ieħor li jkompli jqarribhom lejn id-djakonat u s-saċerdozju.
Il-Komunità tas-Seminarju tistedinkom biex tkomplu titolbu għal aktar vokazzjonijiet, b’mod speċjali għal dawn it-tliet seminaristi ħalli l-Mulej jagħmel minnhom rgħajja skont qalbu.