Żewġ seminaristi, Luke Cutajar mill-Parroċċa tar-Rabat u Brian Gialanzè mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, nhar is-Sibt 28 t’April fis-6.30pm ser jingħataw il-Ministeru tal-Lettorat mill-Arċisqof Pawlu Cremona, fil-Parroċċa ta’ San Piju X, Santa Luċija.
Bil-Ministeru tal-Lettorat is-seminaristi jsiru qarrejja uffiċjali tal-Kelma t’Alla waqt il-quddies u waqt ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra. Huma ser ikollhom ukoll ir-responsabiltà li jxandru l-Kelma t’Alla permezz tal-katekiżmu kif ukoll waqt laqgħat oħra ta’ formazzjoni nisranija. Dan il-Ministeru jingħata lis-seminaristi li jkunu waslu fil-ħames sena tal-formazzjoni tagħhom fis-Seminarju u għalhekk dan ikun pass ieħor li jkompli jqarribhom lejn id-djakonat u s-saċerdozju.
Il-Komunità tas-Seminarju tistedinkom biex tkomplu titolbu għal aktar vokazzjonijiet, b’mod speċjali għal dawn iż-żewġ seminaristi ħalli l-Mulej jagħmel minnhom rgħajja skont qalbu.