It-tema tal-44 edizzjoni tal-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda nisranija 2011, li saret l-ewwel darba fl-1968, hija “One in the apostles’ teaching, fellowship, breaking of bread and prayer”, magħżula minn grupp ta’ mexxejja nsara minn Ġerusalemm, inkluż Michel Sabbah, il-Patrijarka Latin Emeritus ta’ Ġerusalemm Munib Younan, l-Isqof tal-Knisja Luterana Evanġelika fil-Ġordan u l-Art Imqaddsa u membri oħra tal-Patrijarkat Grieg Ortodoss ta’ Ġerusalemm u tal-knejjes Sirja-Ortodossa, Melkita-Kattolika, Armenja-Ortodossa u Episkopalijana.
It-tema u “l-materjal għall-ġimgħa – tgħid stqarrija maħruġa mill-Kunsill Dinji tal-Knejjes – huma koordinati konġuntament mill-Kummissjoni Fidi u Ordni tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes u mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda Nisranija” u “huma sejħa sabiex wieħed jiftakar fiż-żmien meta l-Knisja kienet waħda”.
“Għall-insara f’Ġerusalemm, li jgħixu f’kontinwita mal-komunita appostolika ta’ Ġerusalemm, il-Knisja-Madre tagħhom ilkoll, din l-unita tinvolvi talb, riflessjoni u sofferenza. Flimkien magħhom nafdaw u nemmnu li Alla jisma t-talb għall-paċi u l-ġustizzja ta’ dawk kollha li jgħammru fl-Art Imqaddsa”.
Din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda nisranija se tkun tradizzjonalment ċċelebrata bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar 2011.