ProġettImpenn ser jorganizza għal darb’oħra ‘ĠimgħaŻwieġ’, li qed tiġi ċċelebrata f’aktar minn 20 pajjiż, fost oħrajn fl-Ewropa u fl-Istati Uniti. Għall-ewwel darba, ĠimgħaŻwieġ ser tiġi ċċelebrata wkoll fil-Parlament Ewropew b’diskussjoni taħt il-patrunaġġ tal-Membru Parlamentari Ewropew Slovakka, Anna Zaborska.
F’Malta, ĠimgħaŻwieġ tiftah illum il-Ħadd 12 ta’ Frar. Illejla, fis-6.30 p.m., l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser jiltaqa’ mal-għarajjes kollha li ser jiżżewġu matul din is-sena, għal ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din iċ-ċelebrazzjoni hija organizzata mill-Moviment ta’ Kana.
L-attività ewlenija ta’ ĠimgħaŻwieġ ser tkun konferenza bit-tema ‘Bilanċ Xogħol – Familja: Possibbli?’. Din ser issir nhar il-Ħamis 16 ta’ Frar mis-6.30 p.m. sat-8.30 p.m. fil-Lukanda Phoenicia (Ballroom), Floriana. Il-kelliema prinċipali ser ikunu Dr Rita Borg Xuereb, President tal-Kummissjoni Djoċesana Familja, u s-Sur Joseph Farrugia, Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem. Ser ikun hemm qsim ta’ esperjenza minn koppja miżżewġa u messaġġ mill-Arċisqof Pawlu Cremona f’għeluq il-konferenza.
ĠimgħaŻwieġ tagħlaq b’Quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum Iż-Żwieġ Nisrani, nhar il-Ħadd 19 ta’ Frar, fid-9.00 a.m., fis-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba, Birkirkara.
ProġettImpenn hu ffurmat mill-Kummissjoni Djoċesana Familja, mill-Moviment ta’ Kana u mill-Caritas, bil-għan li jaħdem favur it-tisħieh taż-żwieġ u b’risq il-familja.