• **

    Direttur:          Gene Stupinitsky

    Atturi:              Jacob Tremblay, Keith L. Williams, Brady Noon, Molly Gordon, Lil Rel Howery, Will Forte, Midori Francis, Retta, Millie Davis u Chance Hurtsfield

    Ħin tal-Film:    90 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18       

    Max, Lucas u Thor huma ħbieb kbar, magħrufa bħala l-Bean Bag Boys. It-tlieta jattendu l-iskola fil-livell tas-sitt sena, u  għandhom età ta’ bejn wieħed u ieħor ta’ ħdax u t-tnax-il sena. F’dik l-età, bħal ma dejjem jiġri, jibdew jaffrontaw dilemmi personali. Max beda jiffansja lil Brixlee, studenta fl-istess klassi; Lucas isir jaf li l-ġenituri tiegħu kienu sejrin jiddivorzjaw barra wkoll li xejn ma kien jieħu gost bil-fastidju li jtuh sħabu; Thor min-naħa tiegħu qiegħed jipprova jsegwi l-interess li kellu lejn il-kant.

    Meta tiġi l-opportunità li Max ibus lil Brixlee, f’party organizzat minn Soren, student popolari, Max u ħbiebu tiġihom l-idea li jispjunaw fuq Hanna, il-ġar tagħhom, teenager. Biex jagħmlu dan kien hemm bżonn li jagħmlu użu mid-drone ta’ missier Max, li kien jużah għax-xogħol u kien prezzjuż għalih tant li widdeb lil Max biex ma jmissux. L-idea kienet li jsiru jafu kif wieħed għandu jbus. Ħasbu li Hanna tkun tista’ ittihom idea. Iżda l-pjan tagħhom falla bl-ikraħ b’riżultat li d-drone spiċċca mfarrak għalkemm it-tlieta rrnexxielhom jieħdu l-pilloli ecstasy li kellha Hanna. Biex ma jinqabdux, l-aktar Max għax kien jiġi kkastigat billi ma jkunx jista’ joħroġ, jiddeċiedu li jixtru drone ġdid. Dan jagħmluh waqt li Hanna u Lily, ħabibtha, jibdew jiġru warajhom biex jieħdu lura l-pilloli ecstasy li kienu serqulhom. Hawn iseħħu numru ta’ avventuri u skappaturi sakemm Max, Lucas u Thor, b’mod mirakuluż jaslu fil-mall fejn kienu jittamaw li jixtru d-drone ġdid.

    Sfortunatament meta jaslu, isiru jafu li Hanna u Lily kienu xtraw l-aħħar drone li kien hemm fil-ħanut. It-tlieta kienu lesti li jpartu l-pilloli mal-drone iżda sfortunatament, dawn kienu ġew ikkonfiskati minn uffiċjal tal-pulizija. X’sejrin jagħmlu issa? Triq waħda kien hemm, li Max, Lucas u Thor, fuq suġġeriment ta’ Hanna jmorru jixtru l-pilloli ectasy mill-exboy tagħha u b’ ħekk ikunu jistgħu jakkwistaw d-drone minn għandhom. X’jiġri minn hawn? Tgħid jirnexxielhom jew Max, speċjalment, jidħol f’iktar inkwiet?

    Film Amerikan, kummiedja, taħt id-direzzjoni ta’ Gene Stupnitsky b’kitba tiegħu stess flimkien ma’ Lee Eisenberg. Minħabba l-kontenut qawwi sesswali li fih il-film u li hemm imdaħħla tfal taħt l-età u li jsiru l-protagonisti tal-istorja, tema li tidħol id-droga kif ukoll ħafna kliem goff u pervers, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.