• Direttur: Rob Letterman
    Atturi: Jack Black, Dylan Minnette, Odeya Rush, Amy Ryan, Ryan Lee,  Jullian Bell
    Ħin tal-Film: 103 min
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
     
    Zach Cooper u ommu Gale,  minn  New York imorru joqogħdu fil-belt ta’ Madison ġewwa Delware. Il-ġirien tagħhom, “Mr. Shivers”, stramb għall-aħħar u li jgħix ma’ bintu Hannah, jidħru xi ftit misterjużi tant li meta Zach jipprova jintroduċi lilu nnifsu, “Mr. Shivers” iwissieh biex jibqa’ ’l boqgħod minnhom. Minnaħa tagħhom, Zack u Hannah deħru jinġibdu lejn xulxin. Gale, omm Zack, kienet taħdem bħala assitent kap tal-iskola fejn Zack ukoll jibda jattendi. Zach ma jdumx ma jagħmel ħbieb ma’ Champ. Jum wieħed Zach jisma’ lil “Mr. Shivers” jitlewwem ma’  Hannah li bdiet twerżaq. Zach għalhekk issejjaħ lill-pulizija. Meta l-pulizija jiġu biex jinvestigaw, jiġu assigurati li kollox kien sew.  Meta Zach u Champ jidħlu fid-dar ta’ “Mr. Shivers” meta dan warrab xi ftit,  isibu numru ta’ manuskritti ta’ Goosebumps li kollha kemm huma kienu maqfula sew. Meta Hannah tikkonfronthom,  Zack aċċidentalment jiftaħ is-sokra tal-ktieb:  The  Abominable Snowman of Pasadena. Hekk kif il-ktieb jinfetaħ, joħrog mill-ktieb Yeti,  li jaħrab mid-dar, b’Zack, Hannah u Champ jiġru warajh. Wara li jirnexxielhom isibu lill-Yeti, jidħol ukoll “Mr. Shivers” u jirnexxielu ddaħħal fil-ktieb lill-Yeti. “Mr. Shivers” jispjega li hu tabilħaqq kien R. L. Stine, l-awtur tal-Goosepumbs. Jispjega li l-istejjer li kiteb bħala tifel kien ghaliex kien ikun abbużat minn sħabu  u l-monstri li kien ħoloq kienu saru  tant ikkontrollabbl, li kellu ssakkarhom fil-manuskritti. Meta jerġgħu lura lejn id-dar, Stine u ż-żgħażagħ jiġu wiċċ imbwiċċ ma’ Slappy minn Night of the Living Dummy li kien tassew imgħaddab għaliex ġie msakkar. Stine ma jirnexxielhux jaħtaf lil Slappy li minnaħa tiegħu jaħraq il-manuskritt tiegħu u jaħrab bl-oħrajn kollha.  X’jiġri minn hawn?  Biex tkompli tiggrava l-qagħda, Slappy jeħles il-monstri kollha b’riżultat diżastruż. X’jistgħu  jagħmlu Stine u ż-żgħażagħ biex iġibu taħt kontroll lil dawn il-monstri?
     
    Film Amerikan bi 3D, kummiedja u  parti minnu  animat komputerizzat, mimli azzjoni u msejjes  fuq numru ta’ kotba għat-tfal  bl-istess isem miktubin minn R. L. Stine. Minhabba xi xeni tal-biża’ kif ukoll it-tema tal-film,   ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.