Mill-10 sat-13 ta’ Novembru li ġej, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan il-Knisja f’Malta se tkun qed tospita l-Workshop Internazzjonali u l-Assemblea Ġenerali tal-Kummissjonijiet tal-Ġustizzja u Paċi Ewropej. Madwar 50 delegat mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa mistennija jattendu għal din il-laqgħa li ssir kull sena f’wieħed mit-32 pajjiż li jagħmlu parti min-netwerk tal-Ġustizzja u Paċi Ewropa. It-tema magħżula għal din is-sena hi ‘The changing world of work – a transversal justice issue’. 

Il-konferenza se tibda nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru fis-7:30pm, b’diskors ta’ Sr Alessandra Smerilli, is-Segretarja tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem fis-Santa Sede, fl-Oratorju tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta. Wara jsir diskors mill-Arċisqof Charles Scicluna.

L-għada s-Sibt, 11 ta’ Novembru, mid-9:30am ’il quddiem fil-Gran Salon tal-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, il-pubbliku hu mistieden għal workshop, dwar ix-xogħol.  Hawnhekk se jiġu diskussa l-modi differenti li bihom id-dinja tax-xogħol qed tinbidel u x’inhuma l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi ta’ dawn il-bidliet mgħaġġla. Ir-riskju għad-drittijiet tal-ħaddiema, imkabbar min-natura li qed tevolvi tax-xogħol, se jiġi diskuss mid-delegati waqt din il-laqgħa. 

Avveniment ieħor miftuħ għall-pubbliku hi t-taħdita ‘Written in Blood’ li se ssir nhar il-Ħadd, 12 ta’ Novembru fis-6:30pm fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Fost kapulavuri oħra, l-Oratorju hu mżejjen bil-kwadru tal-Qtugħ tar-Ras ta’ San Ġwann Battista mpitter minn Caravaggio, li ffirma ismu fid-demm tal-Battista. It-taħdita titfa’ dawl fuq kif anke llum, hawn nies li l-istejjer tagħhom huma miktuba fid-demm. Il-martri tal-ġustizzja huma dawk li quddiem l-oppożizzjoni, l-oppressjoni u l-indifferenza, joffru xhieda ta’ futur ta’ solidarjetà u fraternità mimli tama. It-taħdita se tingħata minn Jenny Sinclair, il-fundatriċi u direttur ta’ Together for the Common Good, organizzazjoni ddedikata għat-tiġdid spiritwali u ċiviku. 

Persuni interessati jattendu għal dawn l-attivitajiet għandhom jirreġistraw fuq gp.knisja.mt sa mhux aktar tard mill-Ħamis, 9 ta’ Novembru 2023.