L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Hemm sentenza li qal Ġesù fl-Evanġelju tal-lum li tolqtok b’mod qawwi. Xi nies kienu qed iħarsu lejn it-tempju, u jgħidu fuq kemm kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet, u Ġesù jgħidilhom: “Kulma qegħdin taraw għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”.
Ma nafx x’kienet ir-reazzjoni tan-nies meta semgħu dan il-kliem. Immaġina lilna nħarsu lejn il-patrimonju sabiħ li għandna, forsi tkun xi bażilika jew knisja kolleġġjata, nammiraw it-tiżjin li għandna, imbagħad jiġi Ġesù u jgħidilna li jiġi żmien meta kollox se jiġġarraf! Naħseb li neħduha bi kbira. Tifhem li meta nħarsu lejn dak li hu prezzjuż u ta’ valur, u riżultat ta’ ħafna ħidma, ma rridux nisimgħu b’tiġrif.
Imma Ġesù dejjem hu ċar u jitkellem b’realiżmu kbir. Nixtieq li nirriflettu fuq dil-kelma tiegħu u naraw x’messaġġ tagħtina għal ħajjitna llum, speċjalment f’dal-Jum ta’ Gradwazzjoni tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali.
Qalb it-tiġrif
L-ewwel messaġġ hu dan: li aħna nagħrfu t-tiġrif li jseħħ. Jekk inħarsu madwarna, mhux lejn dak li għaddej fil-bini, li s’issa donnu iktar tiela’ milli nieżel, imma speċjalment lejn is-soċjetà u ż-żmien li qed ngħixu fih, donnu qed nerġgħu nisimgħu f’moħħna u f’qalbna l-kliem ta’ Ġesù: “Kulma qegħdin taraw għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”.
Meta l-ħażin ma jibqax ħażin li tikkundannah, imma jsir ħażin li tifraħ bih għax xi ħadd moħħu jilħaqlu, meta l-ħażin isir stil ta’ ħajja, verament inkunu qegħdin qalb it-tiġrif.
Jistgħu jkunu imperi li nbnew u narawhom jiġġarrfu. L-ewwel qari jurina dan fil-kliem tal-Profeta Danjel hu u jfisser id-dehra li kellu s-sultan, fejn statwa tad-deheb, fidda, bronż, ħadid u tafal, ta’ dawn kollha f’daqqa, filli kienet tattira l-attenzjoni u kienet statwa kbira u tleqq u tbeżża’; u f’daqqa waħda, b’daqqa ta’ ġebla, l-istatwa ġiet frak. Hekk jiġġarrfu l-imperi!
Meta jiġri hekk, nintebħu li qabel ikunu diġà ġġarrfu valuri umani bażiċi, bħall-onestà, l-integrità, is-sinċerità, il-ġustizzja, il-verità, ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Meta l-ħażin ma jibqax ħażin li tikkundannah, imma jsir ħażin li tifraħ bih għax xi ħadd moħħu jilħaqlu, meta l-ħażin isir stil ta’ ħajja, verament inkunu qegħdin qalb it-tiġrif.
Huwa Ġesù li jista’ jimla lil ħajjitna, mhux it-tiżjin li jkun hemm f’ġieħu. Irridu naħdmu biex nibnu ħajjitna fuq dak li hu tassew ta’ valur.
F’dan il-kuntest, il-parir ta’ Ġesù hu: “Araw li ma titqarrqux”. Huwa hu li jgħinna biex ma nkunux kompliċi fit-tiġrif ta’ dak li hu tajjeb, tal-valuri, forsi għax nibżgħu ngħidu l-affarijiet b’isimhom jew għax nidħlu f’qoxortna u nippreferu ngħixu ħajja ta’ indifferenza.
Nibnu fis-sod
It-tieni messaġġ hu biex aħna nibnu ħajjitna fuq is-sod, fuq dak li ma jiġġarrafx, dak li jibqa’. Meta Ġesù semma’ t-tiġrif, għamel dan fil-kuntest ta’ bini b’ħafna tiżjin. Il-kliem tiegħu hu ta’ sfida għalina llum, dixxipli tiegħu, biex aħna ma nserrħux fuq dak li jgħaddi. Jistgħu jkunu l-istess espressjonijiet jew devozzjonijiet reliġjużi tagħna li jagħtuna x’nifhmu li sibna dak li se jimlielna ħajjitna. Huwa Ġesù li jista’ jimla lil ħajjitna, mhux it-tiżjin li jkun hemm f’ġieħu. Irridu naħdmu biex nibnu ħajjitna fuq dak li hu tassew ta’ valur.
Naħseb li meta intom iddeċidejtu li tidħlu għal xi kors offrut mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, jew minn xi entità oħra f’kollaborazzjoni mal-Istitut ta’ Formazzjoni Pasotrali, intom kellkom f’moħħkom u f’qalbkom li tirċievu l-formazzjoni fuq dak li tassew jiswa fil-ħajja, dak li ma jiġġarrafx. Dan hu li jipprova jwassal l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, li ma jfittixx li jagħti l-ewwel kontenut li tista’ taħżnu fil-moħħ, imma xi ħaġa aktar profonda li tmiss il-ħajja kollha.
Nies ta’ tama
Ġesù, kif smajna fl-Evanġelju tal-lum, hu realista imma l-kelma tiegħu qatt mhi kelma li ġġib sfiduċja jew qtigħ ta’ qalb. F’din is-silta hu jgħid: titqarrqux, tinħasdux, tmorrux warajhom. Kien qed jgħid l-aktar fuq dawk li jkollhom il-‘messiah complex’ jew bi pretensjoni li huma salvaturi tal-umanità.
Mal-kliem ta’ Ġesù li smajna llum, irridu niftakru wkoll f’dak li jgħid ftit versi wara fl-istess Evanġelju ta’ San Luqa, u bl-istess linja ta’ kliem ta’ stil apokalittiku: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.” Għandna bżonn dil-kelma ta’ Ġesù f’ħajjitna, dejjem imma iktar u iktar fi żmien ta’ konfużjoni u taħwid.
Ġesù jrid minna li nkunu nies ta’ tama u li nnisslu t-tama kull fejn inkunu. Hu b’dal-mod li ma nkunux aħna stess kompliċi fit-tiġrif ta’ dak li hu tajjeb, imma nipprovdu alternattiva sabiħa li tkun ġejja mill-Ispirtu tiegħu. Meta nkunu nies ta’ tama, nistgħu nibnu, ġebla fuq oħra, xi ħaġa li tibqa’ u li ma tiġġarrafx.
Minn qalbi nifirħilkom ilkoll għas-suċċess tat-tmiem tal-istudji tagħkom. Nawguralkom li tkomplu b’dan l-impenn ta’ formazzjoni kontinwa, u li l-esperjenza tagħkom fl-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tgħinkom biex tibnu ħajjitkom, ġebla fuq ġebla, fuq dak li ma jiġġarrafx u tagħtu xhieda sabiħa fis-soċjetà Maltija llum.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dan 2, 31-45
Salm: Dan 3, 57-61
Evanġelju: Lq 21, 5-11