-
Grassroots – l-Assemblea tal-Youth Ministry f’Malta
-
Nhar is-Sibt 22 ta’ Frar mit-8:30am sat-3:00pm se tittella’ ġewwa ċ-Ċentru tal-Konferenzi ġdid f’Dar Ħanin Samaritan, Santa Venera, l-Assemblea tal-Youth Ministry f’Malta. L-Assemblea hija appuntament annwali li jġib flimkien lil dawk kollha involuti f’ħidma pastorali maż-żgħażagħ u adolexxenti.
Din hija edizzjoni speċjali tal-Assemblea, fejn matulha se jiġu ppublikati r-riżultati ta’ studju tal-youth ministry f’Malta. Ir-riċerka ta’ sena, eżaminat il-wesgħa u il-fond tad-djoċesi sabiex tagħti stampa sħiħa tal-knisja żagħżugħa kontemporanja.
L-Arċisqof Pawl Cremona O.P. se jkun preżenti għall-Assemblea, dan flimkien ma numru ta’ mistiedna speċjali oħra li se joffru analiżi esperta tar-riżultati tal-istudju. Il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità jiddiskutu r-riċerka u jipproponu ideat għal direzzjoni ‘l quddiem.
L-Assemblea tal-Youth Ministry f’Malta hija organiżżata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ). Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit www.kdz.org.mt.