Nota ta’ apprezzament minn Dun Martin Micallef
Dun Anġ Seychell kien saċerdot intelliġenti, eżemplari u b’kuxjenza soċjali kbira li dehret l‑aktar meta għażel li jiftaħ id‑dar tiegħu stess biex jospita persuni b’diżabilità. Hu xtaq joffri lil dawn il‑persuni l‑opportunità li jgħixu f’dar fil‑komunità fejn jistgħu jgħixu ħajja indipendenti li tirrispetta d‑drittijiet u d‑dinjità tagħhom. Dun Anġ irnexxielu li minn dar waħda jiftaħ erbat idjar f’raħal twelidu fiż‑Żejtun. Dun Anġ huwa wieħed minn dawk li mhux biss jikteb u jipprietka dwar l‑għażla tal‑fqar imma jgħixha kuljum.
Dak li spira lil Dun Anġ biex jiftaħ id‑dar tiegħu għal persuni b’diżabilità intellettwali kien il‑filosfu Kanadiż ta’ oriġini Franċiża Jean Vanier li fl‑1964, għażel li jitlaq il‑karriera akkademika tiegħu u jibda jgħix ma’ żewġt irġiel b’diżabilità intellettwali fi Troli fi Franza fejn waqqaf il‑komunitajiet ta’ L’Arche. F’dawn il‑komunitajiet persuni b’diżabilità intelletwali flimkien ma’ dawk li jassistuhom jaqsmu ħajjithom flimkien fi djar żgħar fil‑komunità. Bil‑mod il‑mod bil‑kuraġġ u l‑viżjoni ta’ Jean Vanier il‑komunitajiet ta’ L’Arche minn Franza kibru għal 152 komunità mxerrda f’37 pajjiz fil‑ħames kontinenti. Illum 5,000 raġel u mara b’diżabilità qed jgħixu fil‑qalba tal‑soċjetà, jistgħu jsemmgħu leħinhom u jgħixu f’ambjent li jgħinhom jiżviluppaw it‑kapaċitajiet tagħhom fil‑milja kollha tagħhom.
Lil Dun Anġ sirt nafu aktar mill‑qrib meta bdejt ninvolvi ruħi fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità ħafna qabel ma bdejt naħdem id‑Dar tal‑Providenza. Niftakar li meta kont kappillan Wied il‑Għajn Dun Anġ kien stedinni nkun membru tal‑Fondazzjoni Nazareth, stedina li aċċettajt bil‑qalb u b’hekk bdejt niltaqa’ miegħu aktar spiss u sirt nafu aktar mill‑qrib. Niftakar kemm kien ħa gost meta laqqajtu ma’ patri ta’ fama internazzjonali Fr Cyril Axelrod, l-ewwel qassis fid-dinja li kien nieqes mis-smigħ u li wara kien tilef id-dawl ukoll. Niftakar li kien ħa gost ħafna jaqra l-bijografija ta’ dan il-patri li ħadem biex persuni nieqsa mis-smigħ u anke mid-dawl ikunu offruti kull opportunità għall-edukazzjoni u inklużjoni fis-soċjetà.
Lil Dun Anġ nixtieq ngħidlu grazzi tal‑ispirazzjoni li hu għalija fil‑ħidma tiegħi mal‑persuni b’diżabilità. Is‑soċjetà Maltija għandha għalfejn tkun grata lejh mhux l‑aktar għal dak li għamel imma għax il‑ħidma tiegħu, b’mod speċjali mal‑persuni b’diżabilità, tfakkarna li dawn il‑persuni jistħoqqilhom mhux li jkunu mwarrba jew eliminati imma li jkunu parteċipi u protagonisti bi dritt fil‑ħajja tas‑soċjetà.
Dun Martin Micallef
Vigarju Episkopali għad-Djakonija