L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
F’din l-okkażjoni sabiħa, hemm tliet kelmiet li nixtieq li niftakru: gratitudni, inkoraġġiment u tama.
Grazzi mill-qalb
L-ewwel nett, gratitudni. Qed ngħidu grazzi lil Alla, lilu qabel kollox u qabel kulħadd, ta’ dak kollu li sar f’dawn l-għaxar snin permezz ta’ Teenklabb hawnhekk il-Belt. Hija okkażjoni ta’ ringrazzjament lil Alla għax hemm ħafna ġid li sar ma’ ħafna persuni, u ġid li mbagħad sewa ta’ għajnuna għas-soċjetà Maltija. Nirringrazzjaw lil Alla ta’ dawk li Alla ħadem permezz tagħhom – is-‘superjur’ l-ewwel nett, u l-voluntiera kollha li taw is-sehem tagħhom u jagħtu s-sehem tagħhom f’Teenklabb, il-benefatturi, u speċjalment it-tfal, l-adolexxenti u żgħażagħ li qed jieħdu sehem f’din l-esperjenza sabiħa.
Hemm ta’ xiex inkunu grati. U nixtieq li nuri wkoll il-gratitudni tal-Knisja f’Malta għal dak li sar f’dawn l-għaxar snin, li qed isir bħalissa, u li se jkompli jsir, kif smajna b’impenn, b’entużjażmu u bi kreattività. Hu sinjal tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li joħloq il-ġdid. Kultant it-toroq tiegħu lanqas inkunu qed narawhom minn qabel, imma hu joħloq xi ħaġa ġdida u sabiħa, u jkompli joħloq, iktar ma nagħtuh spazju – u ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla.
Ħarsa ’l quddiem
It-tieni kelma hi inkoraġġiment. Nixtieq ħafna li din l-okkażjoni sservi ta’ inkoraġġiment għal kull min jiġi f’Teenklabb, u kull min jagħti s-sehem tiegħu jew tagħha, b’mod jew ieħor, inkluż il-benefatturi. Hu importanti li dejjem ninkuraġġixxu lil xulxin b’apprezzament għall-ħidma li ssir, u nkomplu nagħmlu kuraġġ għax din hi ħidma li qed jagħmel Alla permezz tagħna.
Biex jagħtina dan l-inkoraġġiment, nixtieq li nħarsu lejn dak li l-Papa Franġisku se jiddikjara qaddis ftit ġimgħat oħra – Carlo Acutis. Ta’ ħmistax-il sena għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Imma f’dawk il-ħmistax-il sena, ħadem u ta tassew xhieda sabiħa ta’ kif tkun Nisrani, u Nisrani fid-dinja li fiha kien jgħix b’mod hekk sabiħ. Għaqqad flimkien il-ħajja Nisranija, l-ispiritwalità, ma’ tant talenti li Alla tah u li hu ħaddem. Għalhekk nixtieq li Carlo Acutis ikun dak li jkompli jagħti ispirazzjoni għal dawk kollha li jiġu f’Teenklabb u għal dawk kollha li qed jagħtu s-sehem tagħhom b’mod volontarju f’din il-formazzjoni hekk importanti.
Hemm sentenza ta’ Carlo Acutis, li issa hi magħruf ħafna, li tgħid: aħna lkoll nitwieldu oriġinali, imma diversi nies imutu fotokopji. Tfakkarna kemm hu importanti li aħna nagħrfu dak li Alla jsejħilna għalih, l-oriġinalità ta’ kull persuna, u li meta nħarsu lejn l-oħrajn mhux biex nikkuppjaw lilhom, fit-tajjeb u fil-ħażin, imma biex nagħrfu dak li Alla jrid minna, minn kull wieħed u waħda minna personalment.
Nixtieq ħafna li l-inkoraġġiment ikun ukoll għall-metodu li tħaddmu f’Teenklabb – jiġifieri li tħarsu lejn il-formazzjoni b’mod ħolistiku, b’mod sħiħ. Ma tagħmlux firda bejn id-dmirijiet spiritwali fuq naħa, u affarijiet oħra. Għalikom il-formazzjoni hi sħiħa, kif stajna nisimgħu fl-introduzzjoni qabel il-quddiesa. Kemm hu sabiħ li t-tfal u l-adolexxenti jħaddmu t-talenti tagħhom, u għalhekk b’dal-mod qed jgħixu tassew il-fidi tagħhom. Hekk il-Mulej irid minna: li niżviluppaw it-talenti tagħna. Nixtieq li nagħti inkoraġġiment sħiħ għal dal-metodu li tużaw li tant huwa ta’ ġid għall-adolexxenti li jiġu hawn u għas-soċjetà.
Niżirgħu żerriegħa ta’ tama
It-tielet punt: hija t-tama. Semmejt kemm ħidma ssir. Kieku kelli nistaqsi: fil-Belt Valletta fejn hawn sinjali, fejn hawn iż-żerriegħa tat-tama? Hawn diversi postijiet – il-parroċċi stess ta’ San Pawl, ta’ San Duminku u ta’ Santu Wistin għandhom ħidmiet li huma sinjali ta’ tama. Hawnhekk u verament sinjal ta’ tama. U jekk il-Papa Franġisku ried li f’din is-Sena tal-Ġublew inkunu “pellegrini tat-tama”, hawn hekk qed jiġri. Dawk li qed jagħtu s-sehem tagħhom huma pellegrini tat-tama. Qed jagħtu tama lis-soċjetà kollha.
It-tama Nisranija mhijiex kif kultant nużaw il-kelma tama, xewqa imma magħha hemm qisu dubju, inċertezza. Imma t-tama Nisranija hi mibnija fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla li qatt ma tiġi nieqsa, u ċ-ċertezza tal-kelma tiegħu li qatt ma tqarraq bina, li dejjem hi vera. Għalhekk nixtieq li tkomplu tkunu tassew sinjal ta’ tama mhux biss għall-Knisja, mhux biss għall-Belt Valletta wkoll, imma għas-soċjetà Maltija kollha.
Dak li qed tiżirgħu llum il-Mulej ikabbar u jgħin biex ikun tassew ta’ ġid għas-soċjetà, anke b’modi li qatt ma nkunu ħsibniehom aħna.
Grazzi ħafna ta’ din l-opportunità sabiħa li nkun magħkom għal din iċ-ċelebrazzjoni, u nixtieqkom li tkomplu tiftakru f’dawn it-tliet kelmiet bħala frott taċ-ċelebrazzjoni tal-lum: gratitudni, inkoraġġiment u tama.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju