L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jiena ngħinek; inwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!” (Iżaija 41:10)
Dan il-kliem li jgħid il-Mulej, li nsibuh fil-Ktieb tal-Profeta Iżaija, hu l-messaġġ li nixtieq inwassal lil kull wieħed u waħda minnkom hekk kif niċċelebraw il-Ġublew tal-persuni morda, u dawk li jikkurawhom u jieħdu ħsiebhom. Hu kliem ta’ tama, u fi kliem San Pawl: “It-tama ma tqarraqx bina” (Rum 5:5). It-tama tqawwina fit-tiġrib.
Il-Ġublew huwa żmien ta’ grazzja, tiġdid u tama. Dan il-Jum irid ifakkarna li ħadd mhu minsi minn qalb Alla, speċjalment dawk li jġorru t-toqol tal-mard u t-tbatija.
Ġesù qrib il-morda u dawk li qed ibatu
Fl-Evanġelju, Ġesù juri mħabba speċjali lejn il-morda. Jersaq qrib diversi morda, u jfejjaqhom. Iżda lil hinn mill-fejqan fiżiku, hu joffri xi ħaġa saħansitra akbar – tama u salvazzjoni. Il-punt l-aktar importanti hu li Ġesù qatt ma jabbandunana fil-mard u d-dgħufija tagħna. Ġesù joffrilna l-fejqan aktar profond tar-ruħ – il-fejqan tal-paċi u tal-imħabba li jimlew lil qalbna.
Waħda mill-akbar tbatijiet tal-mard u tax-xjuħija hi s-solitudni. Ħafna nies iħossuhom waħedhom, minsijin minn sħabhom jew minn qrabathom. Forsi xi drabi jħossuhom minsijin anke minn Alla. Imma ftakru: Alla qatt ma jabbanduna lil uliedu. Anke meta nħossuna dgħajfa jew bla saħħa, hu qiegħed hemm iżommna, isaħħaħna u jsostnina. M’intix waħdek. Il-Mulej hu miegħek f’kull mument ta’ tbatija, solitudni jew inċertezza.
Il-qawwa feddejja tat-tbatija
It-tbatija tqanqal diversi mistoqsijiet li kemm-il darba ma nsibux tweġibiet għalihom. Imma nafu li Ġesù nnifsu ma ħarabx mit-tbatija, u wera li t-tbatija tagħna għandha tifsira. Fuq is-salib, hu ġarr uġigħ kbir, u anke hu ħassu abbandunat minn dawk li kien iħobb. Imma permezz tas-salib, hu feda lid-dinja. Fuq is-salib, hu biddel l-akbar tbatija fl-ikbar att ta’ mħabba.
Għalikom li qed tbatu llum, kunu afu li l-uġigħ tagħkom mhux għalxejn. F’Ġesù, u ma’ Ġesù, isir sors ta’ grazzja. Kif il-ġrieħi ta’ Ġesù ġabu s-salvazzjoni lid-dinja, hekk ukoll it-tbatija tagħkom – offerta bl-imħabba – tista’ ġġib dawl u tama lill-oħrajn. Jekk tgħaqqad l-uġigħ tiegħek ma’ dak ta’ Ġesù, dan isir talba qawwija li ġġib grazzja fuq id-dinja.
Irridu niftakru li l-ħajja u d-destin tagħna isibu posthom biss fil-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt, li jagħti lilna lkoll il-garanzija tal-ħajja ta’ dejjem. Huwa biss fil-misteru tal-Għid ta’ Ġesù li aħna għandna ċ-ċertezza li “la l-mewt, la l-ħajja, la anġli, la l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond u ebda ħlieqa oħra ma jistgħu jifirduna mill-imħabba ta’ Alla” (Rum 8:38-39). Din it-“tama kbira” hi l-għajn ta’ dawk ix-xrariet żgħar ta’ dawl li jgħinuna naraw it-triq tagħna qalb il-provi u l-ostakli tal-ħajja.
Naqsmu t-tbatija
Nixtieq ngħid kelma lilkom li tieħdu ħsieb il-morda – familjari, infermiera, tobba, carers, ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, saċerdoti, reliġjużi irġiel u nisa, tant voluntiera; u l-Għaqda għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes – ix-xogħol tagħkom huwa qaddis. Meta tieħdu ħsieb lil min qed ibati, qed isservu lil Ġesù nnifsu li dejjem ifakkarna: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mattew 25:40).
Il-postijiet ta’ tbatija spiss huma wkoll postijiet fejn wieħed jista’ jaqsam ħajtu ma’ ħaddieħor u allura jkun hemm arrikkiment reċiproku. Kemm-il darba, niskopru li aħna “anġli” tat-tama u messaġġiera ta’ Alla għal xulxin, ilkoll flimkien, kemm jekk fil-familja jew fi sptarijiet, djar tal-anzjani, ċentri mediċi, u postijiet oħra.
Qatt temmnu li ħajjitkom m’għandhiex valur. Għandha valur kbir. Tħalli lil ħadd jipperswadik li ħajtek inutli, li ma tiswiex
Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ tiegħu għal Jum il-Morda ta’ din is-sena, jgħid hekk: “Irridu nitgħallmu kif ngħożżu t-tbissima ġentili tal-infermiera, il-gratitudni u l-fiduċja ta’ pazjent, il-wiċċ mimli ħlewwa ta’ tabib jew voluntier, jew il-ħarsa anzjuża tal-miżżewġin, tat-tfal, tan-neputijiet jew ta’ xi ħabib għażiż. Dawn kollha huma raġġi ta’ dawl li għandna napprezzaw, anke f’nofs ta’ lejl mudlam ta’ tbatija, għax dawn jagħtuna s-saħħa, u fl-istess ħin jgħallmuna t-tifsira aktar profonda tal-ħajja, tal-imħabba u tal-qrubija.”
Int għandek valur
Għeżież ħuti, illum Ġesù jsejħilna biex nafdaw fih. Kemm jekk aħna morda, kemm jekk qed insostnu lil min ibati, hu qiegħed qrib tagħna. Ħa nħaddnu l-imħabba u l-ħniena tiegħu.
Forsi kultant ikun hemm min jistaqsi: “Għalfejn għadni hawn? X’nista’ nagħmel jekk jien marid jew marida, x’nista’ nagħmel fid-dgħufija?”
Nagħmel appell lil kull min hu responsabbli – lill-awtoritajiet imma wkoll lilna lkoll – biex dejjem ngħożżu l-ħajja, biex nagħmlu minn kollox biex intaffu t-tbatija tal-persuna, imma qatt billi neliminaw il-ħajja.
Ħuti, qatt temmnu li ħajjitkom m’għandhiex valur. Għandha valur kbir. Tħalli lil ħadd jipperswadik li ħajtek inutli, li ma tiswiex. Kull mument li tgħix hu rigal minn Alla. Anke meta tkun marid jew marida, għandek missjoni – li tkun xhieda tal-fidi, li titlob għall-oħrajn, u li turi s-sbuħija tat-tama f’Alla. Ftakru f’Santa Tereża ta’ Lisieux: meta kienet marida, ma setgħet tagħmel xejn ħlief titlob, imma t-talb tagħha kien mezz ta’ trasformazzjoni fid-dinja. Hekk ukoll, it-talb tiegħek, is-sabar tiegħek, u s-sagrifiċċju tiegħek huma grazzja għall-Knisja u għall-familja tiegħek u s-soċjetà.
Nixtieq nagħmel appell lil kull min hu responsabbli – lill-awtoritajiet imma wkoll lilna lkoll – biex aħna dejjem ngħożżu l-ħajja, biex nagħmlu minn kollox biex intaffu t-tbatija tal-persuna, imma qatt billi neliminaw il-ħajja.
Ħa jkun dan il-Ġublew żmien ta’ tiġdid. Żmien fejn nistgħu ngħixu anke t-tbatijiet tagħna flimkien ma’ Ġesù.
Saħħa tal-Morda
F’dan il-jum speċjali, inħarsu wkoll lejn Ommna Marija, Saħħa tal-Morda, li f’Lourdes b’mod partikulari wriet ruħha bħala sors ta’ fejqan u faraġ għall-morda. Marija tinsab magħna fil-mard, bħalma kienet taħt is-salib ta’ binha. Hi tifhem il-weġgħat tagħna, u tħobbna bi mħabba materna. Ejja nafdaw lilna nfusna f’idejha biex tmexxina lejn Ġesù.
Insellmulha bil-kliem li tant nies talbuha fis-siegħa tagħhom ta’ bżonn, u l-kliem li bih il-Papa Franġisku jispiċċa l-messaġġ tiegħu għal Jum il-Morda:
“Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla.
La twarrabx minn quddiemek
it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,
O Verġni glorjuża u mbierka.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju