Il‑parroċċi, komunitajiet reliġjużi, movimenti u gruppi fi ħdan il‑Knisja, familji, u l‑Insara kollha f’Malta u Għawdex, illum it-Tnejn, 7 ta’ Ottubru, huma mistennija biex fuq talba tal-Papa Franġisku, jingħaqdu flimkien permezz tat-talba tar-Rużarju u s-sawm għall-paċi fid-dinja u għas-suċċess tal-Ġublew tat-Tama 2025.
L-istedina saret mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi lill-arċiprieti u kappillani kollha, u lill-provinċjali tal-ordinjiet reliġjużi f’Malta.
Illejla fis-7pm, festa tal-Madonna tar-Rużarju, fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma se jingħad ir-Rużarju. Diversi santwarji, bażiliċi u fratellanzi tar-Rużarju laqgħu l-istedina tal-Papa u se jingħaqdu flimkien fit-talba tar-Rużarju.
Illum ukoll hu l-ewwel anniversarju minn meta bdiet il-gwerra bejn l-Iżrael u l-Ħamas.
Il-Papa Franġisku qal li “f’din is-siegħa drammatika tal-istorja tagħna, meta l-irjieħ tal-gwerra u n-nirien tal-vjolenza qed ikomplu jħawdu popli u Nazzjonijiet sħaħ,” il-komunità Nisranija hi mfakkra tkompli taqdi l-umanità.
Il-Papa qal dan wara l-quddiesa fi Pjazza San Pietru fil-ftuħ tat-tieni sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu.