Għeżież ħuti!
Il-Vanġeli ta’ Mattew, Mark u Luqa jaqblu fir-rakkont tal-episodju tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù. F’din il-ġrajja nilmħu t-tweġiba tal-Mulej quddiem d-dixxipli tiegħu li ma jifhmuhx. Ftit qabel, fil-fatt, kien hemm skontru veru u proprju bejn l-Imgħallem u Xmun Pietru, li, wara li kien stqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù bħala l-Messija, l-Iben ta’ Alla, kien irrifjuta t-tħabbira tiegħu tal-Passjoni u tas-Salib. Ġesù kien ċanfru bil-kbir u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!” (Mt 16:23). U mbagħad “sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom” (Mt 17:1).
L-Evanġelju tat-Trasfigurazzjoni hu mxandar ta’ kull sena fit-tieni Ħadd tar-Randan. Fil-fatt, f’dan iż-żmien liturġiku l-Mulej jeħodna għalina waħidna flimkien miegħu. Imqar jekk l-impenji tagħna ta’ kuljum qed jitolbu minna li nibqgħu fil-postijiet li fihom konna dejjem, fejn ngħixu l-affarijiet ta’ kuljum spiss ripetittivi u xi drabi tedjanti, fir-Randan aħna mistiedna “nitilgħu fuq muntanja għolja” flimkien ma’ Ġesù, biex ngħixu mal-Poplu qaddis ta’ Alla esperjenza partikulari ta’ axxeżi.
L-axxeżi tar-Randan hija impenn, dejjem animat mill-Grazzja, biex negħlbu n-nuqqasijiet tagħna fil-fidi u r-reżistenzi tagħna biex nimxu wara Ġesù fit-triq tas-salib. L-istess kif dan hu li kellhom bżonn Pietru u d-dixxipli l-oħra. Biex ninżlu aktar fil-fond tal-għarfien tagħna tal-Imgħallem, biex nifhmu u nilqgħu l-misteru tas-salvazzjoni divina kollu kemm hu, imwettqa fl-għotja sħiħa tagħna nfusna għall-imħabba, irridu nħalluh jeħodna għalina waħidna u fl-għoli, ninqatgħu mill-medjokrità u mill-frugħa. Irridu nibdew mexjin, mixja għat-telgħa, li titlob sforz, sagrifiċċju u konċentrazzjoni, bħal ħarġa fil-muntanji. Dawn ir-rekwiżiti huma importanti wkoll għall-mixja sinodali li, bħala Knisja, impenjajna ruħna li nwettqu. Nagħmlu sew nirriflettu fuq din ir-rabta li teżisti bejn l-axxeżi tar-Randan u l-esperjenza sinodali.
Fl-“irtir” fuq il-muntanja Tabor, Ġesù jieħu miegħu tliet dixxipli, magħżula biex ikunu xhieda ta’ ġrajja unika. Irid li dik l-esperjenza ta’ grazzja ma tkunx solitarja, imma maqsuma ma’ oħrajn, kif hi, wara kollox, il-ħajja kollha tal-fidi tagħna. Wara Ġesù nimxu flimkien. U flimkien, bħala Knisja pellegrina fiż-żmien, ngħixu s-sena liturġika u, fiha, ir-Randan, billi nimxu ma’ dawk li l-Mulej qegħdilna maġenbna bħala sieħba tal-vjaġġ. Tixbah lill-axxeżi ta’ Ġesù u tad-dixxipli fuq il-Muntanja Tabor, nistgħu ngħidu li l-mixja tagħna tar-Randan hi “sinodali”, għax nagħmluha flimkien fl-istess triq, dixxipli tal-Imgħallem waħdieni. Anzi, nafu li hu stess huwa t-Triq, u allura, kemm fil-mixja liturġika u kemm f’din tas-Sinodu, il-Knisja ma tagħmilx għajr tidħol dejjem iżjed b’mod profond u sħiħ fil-misteru ta’ Kristu l-Feddej.
U niġu għall-mument li hu l-qofol. Il-Vanġelu jirrakkonta li Ġesù “tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl” (Mt 17:2). Din hi l-“quċċata”, id-destinazzjoni tal-mixja. Fl-aħħar tat-telgħa, xħin ikunu fuq il-muntanja għolja ma’ Ġesù, it-tliet dixxipli jirċievu l-grazzja li jarawh fil-glorja tiegħu, jgħammex bid-dawl sopranaturali, li ma kienx ġej minn barra minnu, imma kien ħiereġ minnu stess. Il-ġmiel divin ta’ din il-viżjoni kien għalkollox superjuri għal kull taħbit li d-dixxipli setgħu għaddew minnu biex telgħu fuq it-Tabor. Bħal f’kull ħarġa impenjattiva fil-muntanji: aħna u telgħin hemm bżonn inżommu ħarsitna msammra tajjeb fuq it-triq; imma l-panorama li tfiġġ quddiemna fl-aħħar tissorprendina u bil-ġmiel tagħha tpatti għal kollox. Anki l-proċess sinodali spiss jidher iebes u xi drabi nistgħu nibdew naqtgħu qalbna. Imma dak li hemm jistenniena fl-aħħar hu bla dubju ta’ xejn xi ħaġa meraviljuża u sorprendenti, li se jgħinna nifhmu aħjar ir-rieda ta’ Alla u l-missjoni tagħna għall-qadi tas-Saltna tiegħu.
L-esperjenza tad-dixxipli fuq il-Muntanja Tabor tkompli tistagħna meta, biswit Ġesù ttrasfigurat, jidhru Mosè u Elija, li jirrappreżentaw rispettivament il-Liġi u l-Profeti (ara Mt 17:3). Il-ġdid li jġib Kristu hu l-milja tal-Patt il-qadim u tal-wegħdiet; ma jistax jinfired mill-istorja ta’ Alla mal-poplu tiegħu u juri t-tifsira profonda tagħha. Bl-istess xebh, il-mixja sinodali għandha l-għeruq tagħha fit-tradizzjoni tal-Knisja u fl-istess waqt hi miftuħa għall-ġdid. It-tradizzjoni hi għajn ta’ ispirazzjoni biex infittxu toroq ġodda, u nevitaw it-tentazzjonijiet opposti tal-immobiliżmu u tal-esperimentazzjoni ta’ malajr.
Il-mixja axxetika tar-Randan u, bħalha, dik sinodali, it-tnejn għandhom bħala destinazzjoni trasfigurazzjoni, personali u ekkleżjali. Trasformazzjoni li, fiż-żewġ każi, issib il-mudell tagħha f’dik ta’ Ġesù u sseħħ bil-grazzja tal-Misteru tal-Għid tiegħu. Biex din it-trasfigurazzjoni tista’ sseħħ fina din is-sena, nixtieq nipproponi żewġ “mogħdijiet” biex nimxu fihom ħalli nitilgħu flimkien ma’ Ġesù u naslu miegħu għad-destinazzjoni.
L-ewwel waħda tirriferi għall-kmand li Alla l-Missier jagħmel lid-dixxipli fuq it-Tabor, huma u jikkontemplaw lil Ġesù ttrasfigurat. Il-leħen mis-sħaba jgħid: “Isimgħu lilu” (Mt 17:5). Mela l-ewwel indikazzjoni hi ċara ħafna: nisimgħu lil Ġesù. Ir-Randan hu żmien ta’ grazzja skont kemm nagħtu widen lilu li qed ikellimna. U kif ikellimna? Qabelxejn fil-Kelma ta’ Alla, li l-Knisja toffrilna fil-Liturġija: ma nħalluhiex taqa’ fil-vojt; jekk ma nistgħux nieħdu sehem dejjem fil-quddiesa, naqraw ta’ kuljum il-Qari mill-Bibbja, anki bl-għajnuna tal-internet. Barra mill-Iskrittura, il-Mulej ikellimna f’ħutna, fuq kollox fl-uċuħ u fil-ġrajjiet ta’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna. Imma rrid inżid ukoll aspett ieħor, importanti ħafna fil-proċess sinodali: is-smigħ ta’ Kristu jgħaddi wkoll mis-smigħ tal-aħwa fil-Knisja, dak is-smigħ ta’ xulxin li f’xi fażijiet hu l-għan ewlieni imma li xorta jibqa’ dejjem indispensabbli fil-metodu u fl-istil ta’ Knisja sinodali.
Kif semgħu leħen il-Missier, “id-dixxipli waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: ‘Qumu. La tibżgħux’. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu” (Mt 17:6-8). Din hi t-tieni indikazzjoni għal dan ir-Randan: ma nistkennux f’reliġjożità magħmula minn ġrajjiet straordinarji, minn esperjenzi suġġestivi, għax nibżgħu naffrontaw ir-realtà bit-taħbit tagħha ta’ kuljum, bl-iebes u l-qares tagħha. Id-dawl li Ġesù juri lid-dixxipli tiegħu jantiċipa l-glorja tal-Għid, u lejn din irridu nimxu, billi nimxu “warajh waħdu”. Ir-Randan hu orjentat lejn l-Għid: l-“irtir” ma hux fini fih innifsu, imma jħejjina biex ngħixu b’fidi, tama u mħabba l-passjoni u s-salib, biex naslu għall-qawmien. Anki l-mixja sinodali ma għandhiex iġġagħalna naħsbu li diġà wasalna meta Alla jagħtina l-grazzja ta’ xi esperjenzi qawwija ta’ komunjoni. Anki hemm il-Mulej itennilna: “Qumu. La tibżgħux”. Ninżlu fil-pjanura, u l-grazzja li nkunu għexna tweżinna biex inkunu artiġjani ta’ sinodalità fil-ħajja ordinarja tal-komunitajiet tagħna.
Għeżież ħuti, ħa jagħtina l-ħajja tiegħu l-Ispirtu s-Santu f’dan ir-Randan aħna u nitilgħu ma’ Ġesù, biex nagħmlu esperjenza tal-ġmiel divin tiegħu u hekk, imsaħħin mill-fidi, nimxu flimkien fit-triq miegħu, glorja tal-poplu tiegħu u dawl tal-ġnus.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard