Il-Papa Benedittu XVI sellem lill-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan fit-tifkira tal-Magħmudija ta’ Ġesu. Qal li hi okkażjoni oħra fejn Alla jirrivela l-qrubija tiegħu mal-umanita, permezz ta’ Ġesu li jeħles lill-bniedem mid-dnub. Talab sabiex kulħadd ikun lest biex jilqa’ lil Ġesu ġewwa l-qalb tiegħu.
Qabel it-talba tal-Angelus, appena temm iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa li kinet tinkludi wkoll is-Sagrament tal-Magħmudija fil-kappella Sistina tal-Vatikan, Benedittu XVI qasam ir-riflessjonijiet tiegħu dwar il-liturġija li appuntu tagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi ta’ Żmien il-Milied. Il-Papa qal li permezz tal-Magħmudija ta’ Ġesu, it-Trinita Mqaddsa hi manifestata fl-aqwa tagħha fil-missjoni pubblika ta’ Ġesu, fit-tagħlim tiegħu, fil-mirakli u saħansitra fil-passjoni, fil-mewt u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Il-Papa fakkar li l-Magħmudija hu l-bidu tal-ħajja spiritwali, li ssib il-milja tagħha fil-ħajja tal-Knisja. Qal fis-Sagrament, waqt li l-Komunita Ekkleżjali titlob, il-ġenituri u l-parrini jimpenjaw irwieħhom li joffru edukazzjoni nisranija lit-tarbija mgħammda, fi kliemu, responsabbilta kbira. Il-Papa ma naqasx milli jħeġġeġ lil dawk kollha diġa mgħammda sabiex japprezzaw is-sabiħ ta’ dan is-Sagrament, li grazzi għalih huma jappartjenu għall-familja kbira t’Alla. Ħeġġiġhom ma jonqsux milli jagħtu xiehda tal-fidi tagħhom.
Hawn hu t-test sħiħ tal-messaġġ tal-Papa qabel ir-reċita tal-Angelus il-Ħadd 9 ta’ Jannar 2011 fil-Vatikan. Biex wieħed isegwi l-filmat bil-messaġġ tal-Papa u r-reċita tal-Angelus, jista’ eventwalment jiftaħ il-link fuq www.youtube.com