Ħadd il-Palm, April 1 2012 – Id-djoċesijiet madwar id-dinja ser ikunu qiegħdin jiċċelebraw il-fidi taż-żgħażagħ. Konxja mill-irwol taż-żgħażagħ fil-komunità nisranija, il-Knisja f’Malta wkoll se tfakkar din il-ġurnata b’mod speċjali.
L-Arċisqof Pawlu Cremona se jmexxi quddiesa uffiċċjali ġewwa l-Mosta, fis-6:00pm. Diversi komunitajiet żgħażagħ qiegħdin jaħdmu flimkien permezz tal-Kummissjoni Parrokkjali Żgħażagħ fil-Mosta, sabiex jippreparaw ċelebrazzjoni tassew żagħżugħa.
Tradizzjonalment, Ħadd il-Palm joħloq diversi opportunitajiet għaż- żgħażagħ biex jesploraw u jesprimu l-fidi tagħhom. Minħabba f’hekk, l-Arċisqof wera x-xewqa li jindirizza mhux biss liż-żgħażagħ li se jkunu qiegħdin jipparteċipaw fl-okkażjoni uffiċċjali, iżda lill-oħrajn ukoll. Permezz ta’ messaġġ irrekordjat, Mons. Cremona huwa mistenni li jaqsam rifflessjoni dwar il-ferħ fit-tbatija. Dan il-messaġġ se jidher waqt il-quddies żgħażagħ li jsiru madwar Malta, kif ukoll se jkun disponibbli online.
Iċ-ċelebrazzjonijiet għal Jum iż-Żgħażagħ huma koordinati mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Parrokkjali Żgħażagħ fil-Mosta u Bosco Crew.