Kulħadd qed iħossha ż-żieda fl-għoli tal-ħajja speċjalment fl-aħħar xhur bl-effetti tal-invażjoni Russa fuq l-Ukrajna.
Fid-dawl ta’ din ir-realtà soċjali li qed tinbidel b’rata mgħaġġla Newsbook.com.mt ħass il-bżonn li jitkellem ma’ Fr Hilary Tagliaferro li jmexxi l-Millenium Chapel u d-diversi servizzi li din toffri fosthom il-WOW – Wishing Others Well.
Fr Hilary spjega li din l-inizjattiva ta’ bank tal-ikel u tal-ħwejjeġ bdiet sa mill-bidu tal-ftuħ tal-Millenium Chapel fis-sena elfejn. Stqarr, “minn 10 familji, 22 sena wara illum għandna aktar minn 200 familja” fil-bżonn ta’ dan is-servizz. Irrimarka li din hija biss il-ħidma minn naħa tagħhom għaliex imbagħad jsir aktar xogħol fil-parroċċi, fid-djakoniji u f’banek tal-ikel oħra.
Kif tafu li ma hemmx abbuż?
Mistoqsi x’inhu l-proċess u jkunx hemm abbużi hu qal li ħadd ma jieħu gost jittallab u li min imur hemm imur għax veru jkollu bżonn biss semma li bħal f’kull ċikostanza jkollok ftit li jippruvaw jabbużaw mis-sistema għax jibbenefikaw minn postijiet differenti. Madanakollu, spjega li trid tapplika, issir evalwazzjoni tal-persuna u jekk id-dħul ikun t’inqas minn €12,000 fis-sena l-persuna tkun intitolata għall-għajnuna, issir ukoll intervista mal-persuna u ġieli jżuru r-residenza ta’ dawn il-persuni.
Meta intalab jikkummenta rawx żieda fil-persuni li qed ifittxu din l-għajnuna, Fr Hilary qal li Malta hija parti mill-kumplament tad-dinja kapitalista u li fejn hemm il-flus hemm ukoll il-faqar. Qal li fost l-iktar tlett problemi kbar li hemm biex in-nies ilaħħqu mal-ħajja, “hemm il-kera li għoliet f’daqqa waħda, il-mediċina li trid tinxtara bilfors u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.” Tenna li jippreferu li jixtru l-ikel għaliex iħossu li huwa l-iktar ħaġa essenzjali għax “bniedem iħossha.”
“Il-ġenerożità tal-Maltin ma naqset qatt.”
Semma li l-Maltin huma jmorru l-aktar għall-ikel filwaqt li r-refuġjati jkollhom aktar bżonn ta’ ħwejjeġ u affarijiet oħra bażiċi. Qal li huma jagħtu xirja sostanzjali ta’ bejn €40-€50 t’affarijiet t’ikel. F’dal-punt hu saħaq li l-ġenerożità tal-Maltin ma naqset qatt kemm fejn jidħlu donazzjonijiet mingħand nies, kumpaniji u fabbriki kif ukoll il-voluntiera li jgħinu fil-proċess tat-tqassim tal-ikel.
Il-Millenium Chapel b’servizz li jsostni kemm ir-ruħ kif ukoll il-ġisem
Il-Millenium Chapel isservi lin-nies mhux biss fuq livell spiritwali imma anke fuq livell uman, qal li qatt ma kienet intenzjonata li tkun biss għall-att spiritwali, “Alla ħoloq lill-bniedem fit-totalità tiegħu” għaldaqstant huma jieħdu ħsieb ir-ruħ u l-ġisem.
Huma joffru wkoll counselling b’xejn għal dawk li jkollhom problemi fir-relazzjonijiet u f’diversi f’vizzji. Din l-għajnuna professjonali tingħata minn persuni kwalifikati.
Fr Hilary qal li għandhom ftehim ma’ żewġ entitajiet li għalih huma importanti għall-Millenium Chapel, is-sorijiet tal-klawsura li wegħduhom li jitolbu għalihom biex huma jipperseveraw f’din il-missjoni u ftehim iehor mal-Youth Football Association. Bħala persuna b’esperjenza kbira fl-isport u li jaf sewwa l-valuri tal-isport, li jaf kemm jista’ jkun ta’ ġid l-isport għall-ġisem, qal li hemm din il-kollaborazzjoni li permezz tagħha l-iskejjel iqattgħu nofstanhar magħhom biex jitgħallmu dwar kwalitajiet li jgħinuhom jaffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja.
Fl-aħħar nett il-messaġġ ta’ Fr Hilary kien li dak li jkun qatt ma għandu jaqta’ qalbu li ma jistax ilaħħaq mal-ħajja, ħeġġeġ li dejjem hemm l-għajnuna u appella lil dawk li Alla pprovdilhom biex jagħtu, filwaqt li kkwota l-kliem tal-qaddisa Madre Tereża, “iktar ma tagħti aktar tirċievi.”
Ara l-intervista sħiħa minn hawn.
Sors: Newsbook Malta