-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Parroċċa tal-Imtarfa
28 ta’ Mejju 2017
“Dak iż-żmien il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija” (Mt 28, 16). Nafu x’kien ġara. Wieħed minnhom ittradixxa lill-Mulej, mar u tgħallaq u minn tnax saru ħdax. Għal ħafna żmien baqgħu jissemmew bħala “l-grupp tal-ħdax” sakemm imbagħad għażlu t-tnax-il wieħed li kien Mattija.
Imma fil-festa li qed niċċelebraw illum, il-festa ta’ erbgħin jum wara l-irxoxt tal-Mulej, il-festa ta’ Lapsi, il-festa tat-tlugħ is-sema tal-Mulej, it-tnax m’għadhomx tnax imma ħdax. Lilna s-saċerdoti, il-festa ta’ Lapsi tfakkarna f’min mhux qiegħed hawn, tfakkarna anke fil-possibilità tat-tradiment. Anke aħna nistgħu nibdew grupp ta’ tnax u nispiċċaw ħdax.
It-tieni topiku li jtemm l-Evanġelju huwa d-dubju: “kif raw lil Ġesù, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw” (v. 17). Uħud minn dawn il-ħdax iddubitaw il-preżenza ta’ Ġesù u dan ukoll huwa periklu li jista’ jolqot lilna s-saċerdoti u jista’ jolqot ukoll kull membru tal-komunità. Madanakollu, minkejja l-limitu tat-tradiment u l-limitu tad-dubju, il-Mulej mhux biss ikellimna imma jafdalna l-ikbar missjoni: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (vv. 19-20).
Qabel qalilna dan il-kliem, (Ġesù) ried iqawwina fil-fidi: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art” (v. 18). U dan il-kliem għandna bżonnu għax ħafna aħna naqtgħu qalbna quddiem dinja li donnha ostili, dinja li m’għandhiex iżjed paċi għal Alla. L-istess San Ġorġ Preca kien iħobb jilmenta: “għal ħafna nies Alla donnu qisu żero kbir”, ma jiswa xejn. U għalhekk it-talba fundamentali ta’ San Ġorġ kienet: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”.
Aħna hawnhekk illum qegħdin biex inqawwu lil xulxin bil-fidi li l-Mulej huwa “magħna dejjem sal-aħħar taż-żmien”. Il-festa ta’ Lapsi, il-festa ta’ tlugħ is-sema, mhijiex il-festa ta’ xi “arrivederci”, imma hija l-festa fejn aħna niċċelebraw il-preżenza tal-Mulej: “jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien”. Mhijiex preżenza li aħna se narawha dejjem. Esperjenza li tiġi rrakkontata u li smajna fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, tgħidilna li Ġesù “kien meħud ’il fuq u sħaba ħaditulhom minn quddiem għajnejhom” (Atti 1, 9) – l-istess esperjenza li ġrat f’Għemmaws – mhux li telaq, imma li l-perċezzjoni tas-sensi ma baqax spazju għaliha. Il-festa tal-lum hija l-festa meta l-fidi tagħna timmatura b’mod li l-Mulej irid joftomna mis-sensi li naraw, li mmisssu lil Ġesù, u li nisimgħuh b’widnejna, imma hija wkoll il-festa tal-wegħda tiegħu li se jibqa’ “magħna sal-aħħar taż-żmien”.
Min se jagħmilhom id-dixxipli? Aħna! “Agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (v. 19). Biex tagħmel id-dixxipli, iridu jiltaqgħu ma’ Ġesù. Ħadd mhu se jsir dixxiplu tal-kappillan, wisq inqas dixxiplu tal-Isqof, jew tal-Papa. Aħna rridu nsiru dixxipli ta’ Ġesù. U aħna nitgħammdu mhux f’isem il-kappillan, la f’isem l-Isqof, wisq inqas f’isem il-Papa. Aħna nitgħammdu “fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.
Iċ-ċeremonja suġġestiva li se nagħmlu wara din ir-riflessjoni, tintroduċina fil-qalba tal-missjoni tal-kappillan: l-Ewkaristija, il-Magħmudija, il-Qrar, il-Kelma. Aħna rridu nsiru dixxipli biex mill-Kelma u mill-ministeru tal-maħfra li huwa l-Magħmudija u l-Qrar, naslu għall-Ewkaristija. Dan huwa pussess partikolari għax huwa pussess imbierek f’diversi ġenerazzjonijiet. Huwa pussess fejn in-neputi huwa xhud taz-ziju kappillan u dawn huma ġenerazzjonijiet il-barka tal-familja, li fil-fedeltà lejn il-Mulej Ġesù, toffri lil uliedha, żgħażagħ ġenerużi, għas-servizz tal-poplu.
Għalhekk jiena nixtieq nirringrazzja ħafna l-familja ta’ Fr Rene u l-familja ta’ James ta’ din l-esperjenza sabiħa li aħna ngawdu lin-neputi xhud tal-ministeru u tal-għotja taz-ziju. U ngħid lil Fr Rene: “n-neputi tiegħek ’l quddiem se jkun xhud ta’ ma nafx kemm-il pussess ieħor. Dan huwa pussess sabiħ ħafna għalija għax miegħi flimkien ma’ presbiteri oħrajn għandu wkoll is-saċerdoti li qdew f’din il-komunità u intom tafu daqsi u iżjed minni: lil Fr Joe Buhagiar, lil Father Reuben Micallef, u lil Fr David Schembri, nispera li għenthom minn taħt intaħt.
Jiena nixtieq nirringrazzjahom f’isimkom u quddiemkom tax-xogħol kollu li għamlu fostkom. Il-preżenza sabiħa tagħkom tagħmel ħafna kuraġġ lil kull wieħed minnhom imma b’mod speċjali lil Fr Rene hu u jibda l-missjoni tiegħu fostna.
Intom ideddikati lill-martri tal-ewwel seklu, lil Santa Luċija. Hija l-qaddisa li fil-mixja tal-Avvent, kull sena, tfakkarna li aħna, biex inħejju ruħna fil-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, irridu nkunu nies li, bħalma qalilna l-istess Mulej, “inkunu dawl għad-dinja”. U din hija invokazzjoni partikolari ta’ din il-komunità li qiegħda fuq muntanja. Il-Mulej Ġesù stess, biex juri li l-Knisja ma tistax tinħeba, juża’ l-immaġini tal-muntanja: “belt fuq muntanja” jgħid “ma tistax tinħeba”. U daqshekk ieħor id-dawl, ma jistax jinħeba. U din hija belt li ddedikata lil Santa Luċija. Fuq dawn iż-żewġ motivi u pilastri, ix-xhieda Nisranija tal-Imtarfa ma tistax tinħeba, trid tkun xhieda sabiħa li tnissel ħafna wlied, mhux biss bis-Sagrament taż-Żwieġ imma anke wlied fil-vokazzjonijiet saċerdotali. Għalhekk huwa ta’ ferħ kbir għalija li nsellem ukoll lil Aayrton Musct, wirt ta’ din il-parroċċa, li bil-mod il-mod qed joħroġ ukoll biex ikun saċerdot ta’ Ġesù Kristu.
Dawn huma kollha sinjali sbieħ li l-Mulej jagħtina biex nagħmlu kuraġġ. Veru li int u nieżel hawn taħt, tistaqsi “din Knisja tal-katakombi?”. Għall-grazzja t’Alla dawk it-twieqi jfakkruna li barra hemm is-sema u hemm id-dawl. Ma nafx x’jiġri meta tagħmel ħafna xita, jien nixtieq inkun naf, imma nifhem ukoll li intom, meta tirritornaw fuq il-livell tat-triq, dak kollu li tfisser it-triq, l-isfidi tagħha, l-opportunitajiet tagħha, intom tkunu msaħħin bil-laqgħa ta’ Ġesù mal-kelma tiegħu biex tkunu x-xhieda sabiħa li xehdet ukoll Santa Luċija. Għażiż Fr Rene, jiena kelma ngħidlek, il-kelma li jgħidlek Ġesù: “Jiena dejjem miegħek, jiena dejjem miegħek”. Kuraġġ u awguri.
✠ Charles J. SciclunaArċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Reuben Seychell