Iż‑żieda sostanzjali fil‑kiri tal‑propjetà kif ukoll l‑emozzjonijiet ta’ ferħ imma fl‑istess ħin ta’ ansjetà li jħossu mindu ġew jgħixu f’Malta kienu fost l‑affarijiet li l‑ħaddiema migranti qasmu mal‑Arċisqof Charles Scicluna fit‑30 ta’ April 2024, lejlet il‑festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem.
Diversi migranti mis-Saħara t’Isfel u mill‑Afrika tal‑Punent kif ukoll mill‑Asja t’Isfel u tax‑Xlokk li nġabru fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana, irringrazzjaw lill‑Arċisqof talli laqagħhom bħala missier, filwaqt li rrikonoxxew ir‑rwol tal‑Knisja bħala difensur tad‑dinjità tal‑ħaddiema.
Waqt il‑laqgħa — organizzata mill‑Kummissjoni Migranti b’kollaborazzjoni mal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi — il‑migranti qasmu l‑ferħ u t‑tamiet, id‑diqa u l‑ansjetajiet tagħhom dwar ħajjithom u xogħolhom f’Malta kif ukoll semmew x’wassalhom biex jemigraw lejn Malta.
Huma sostnew li Malta saret darhom u jħossu sens ta’ appartenenza lejha. Huma grati għall‑ħbiberiji sinifikanti li għandhom mal‑Maltin. Għalihom il‑gżira hi sigura u toffrilhom protezzjoni u bosta opportunitajiet. Huma qasmu wkoll it‑tħassib tagħhom dwar l‑abbuż u l‑isfruttament li jiltaqgħu miegħu fuq il‑post tax‑xogħol, il‑keded li jieħdu biex jingħataw kuntratti tax‑xogħol, kif ukoll esperjenzi ta’ ksenofobija u dewmien burokratiku.
Dawk preżenti rrappurtaw esperjenzi ta’ tbatija kbira meta jiffaċċjaw proċeduri ta’ ażil, jew meta jippruvaw jiksbu jew iġeddu l‑permess uniku ta’ xogħol (single work permit). Kwistjoni li laqtet profondament il‑kwalità tal‑ħajja tal‑ħaddiema kollha — ta’ kwalunkwe nazzjonalità — kienet iż‑żieda eżorbitanti fil‑kiri tal‑propjetà tul dawn l‑aħħar ftit snin.
Il‑migranti tefgħu dawl ukoll fuq tfal imwielda Malta sabiex dawn jingħataw stabbiltà u sigurtà. Barra minn hekk, hemm migranti li minkejja li għexu u ħadmu f’Malta għal diversi snin, xorta għad m’għandhomx dokumentazzjoni xierqa u sigura u l‑ħin kollu jgħixu fil‑biża’ li jiġu deportati. Ġiet diskussa l‑ħtieġa ta’ mezzi trasparenti biex jinkisbu permessi ta’ residenza u ċittadinanza fit‑tul.
L‑Arċisqof Charles Scicluna enfasizza l‑importanza tad‑dinjità umana u qal li din għandha tiġi onorata fl‑oqsma kollha tal‑ħajja: “Jeħtieġ li nisimgħu lil xulxin u rridu nkunu kapaċi nagħtu tama lil kull wieħed u waħda minna.”
Dawk li attendew għal‑laqgħa ħassewhom grati lejn l‑Arċisqof talli sema’ t‑tħassib tagħhom u talli offrielhom spazju sigur fejn setgħu jitkellmu b’mod ħieles.