L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ippermettuli noffri riflessjoni qasira ispirata minn dan ir-rakkont kommoventi tal-Passjoni tas-Sinjur tagħna Sidna Ġesù Kristu skont San Mark.

First of all I would like to greet our English speaking friends who are with us today as we start the solemn celebration of Holy Week and Palm Sunday, the Sunday dedicated to the Passion of our Lord Jesus Christ. We have just read the passion according to St Mark.

Tradizzjonalment meta niftakru f’Ġesù fuq is-salib, niftakru fis-seba’ kelmiet tiegħu. L-Evanġelju ta’ San Mark jagħtina din il-kelma għażiża li smajna, waħda mis-seba’ li ġejja mis-Salm 22. Ġesù, waqt it-turufnament kbir tal-passjoni ħarxa li għadda minna, jislet vers mis-salm 22 u jitolbu: “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?” (Mk 15:34).

L-ewwel li rridu nifhmu huwa li Ġesù, waqt li jagħmel din it-tnehida li ħierġa mill-qalb, qiegħed jitlob. Imma qiegħed ukoll jingħaqad ma’ kull wieħed u waħda minna meta aħna, minħabba dnubietna, l-egoiżmu u l-frugħa tagħna, nitbiegħdu minn Alla u nibdew induqu ħajja mingħajr Alla.

“Għaliex tlaqtni?” L-esperjenza li Ġesù għamel fuq is-salib tixbah l-esperenza ta’ min huwa totalment abbandunat minn Alla jew għax irid hu jew minħabba ċ-ċirkostanzi tal-ħajja jħossu hekk. Permezz tad-dawl tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet aħna nafu li l-Missier ma jabbandunax lil ibnu u f’ibnu lanqas jabbanduna lill-ebda wieħed u waħda minna.

Imma llum nitolbu ħafna għal ħutna li telqu lil Alla u tbiegħedu minnu jew inkella minħabba d-dulur u l-vjolenza tad-dinja jħossu li Alla telaqhom.

Niftakar li meta żort Auschwitz, il-kamp tal-konċentrament fil-Polonja fejn inqatlu miljuni ta’ Lhud, il-gwida qalilna: “Il-Lhud jgħidu li ma jitolbux hawnhekk għax f’dan il-post ‘Alla nesiena, Alla telaqna’”. Imma f’dak il-post ta’ turufnament fejn il-poplu ta’ Alla fis-seklu li għadda ħass li Alla telqu u nesieh, hemm ċella ċkejkna fejn miet San Massimiljanu Marija Kolbe. F’dik iċ-ċella dejjem ikun xemgħa tixgħel b’tifkira ta’ dan is-saċerdot li ta lilu nnifsu biex raġel ta’ familja ma jinqatilx u minflok qatlu lilu. San Massimiljanu Kolbe miet fl-14 ta’ Awwissu u dakinhar nagħmlu l-festa tiegħu. Dan huwa sinjal ta’ min anke fil-mument l-iżjed mudlam u ta’ abbandun, jibqa’ jemmen li Alla miegħu.

Illum, f’dan il-Ħadd tal-Palm u l-Ħadd tal-Passjoni tal-Mulej ma nistgħux ma niftakrux fil-vittmi ta’ tant vjolenza ta’ tant gwerer. Niftakru fil-mijiet ta’ vittmi tal-aggressjoni fl-Ukrajna, fil-mijiet ta’ vittmi fil-Palestina, l-art fejn għex Ġesù, u fl-ostaġġi Iżraeljani li mietu. Il-ħsieb tagħna jmur ukoll fil-vittmi innoċenti tal-attentat terroristiku ta’ Moska fil-jiem li għaddew, nies innoċenti li marru għal mument ta’ mistrieħ u divertiment u spiċċaw vittma ta’ vjolenza qarrieqa f’isem Alla. Liema Alla jġiegħel lil bniedem jobgħod tant?

Għalhekk, illum nitolbu bil-merti tal-Passjoni ta’ Ġesù biex tassew il-Mulej iħenn għalina u jfejjaq il-pjagi ta’ ruħna. Aħna u ningħaqdu mal-għajta tiegħu, nitolbu biex il-Mulej fil-ħniena tiegħu jeħlisna mill-esperjenza li nitbiegħdu minn Alla u li lil Alla ma nitilquh qatt.

Tħallini qatt, Mulej, nitbiegħed minnek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 50:4-7
Salm: 21(22):8-9,17-18a,19-20,23-24
Qari II: Fil 2:6-11
L-Evanġelju: Mk 14:1–15:47

Aktar ritratti