L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19:27). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann illum, u f’din is-sentenza, l-aħħar sentenza ta’ dan l-Evanġelju, għandna dak li l-aktar importanti li nieħdu magħna, aħna u nagħmlu t-tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri llum.
Innutaw kif Ġesù, meta qiegħed fuq is-salib fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu, lid-dixxiplu l-maħbub li qiegħed taħt is-salib ma jgħidlux: issa jien wasalt fl-aħħar, ħu ħsieb ommi, ara li ma jkun jonqosha xejn. Imma jgħidlu aktar minn hekk. Jgħidlu: “hawn hi ommok” (Ġw 19:27). U lilha: “hawn hu ibnek” (Ġw 19:26). U d-dixxiplu fehem li Ġesù qed jagħti lil ommu bħala omm id-dixxipli kollha, bħala omm l-umanità. L-isbaħ rigal li qed jagħtina propju fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu.
Meta nħarsu lejn Marija ħdejn is-salib, niftakru fl-għożża li għandna aħna l-Maltin li niċċelebraw fil-fatt din it-tifkira tad-Duluri b’mod nazzjonali l-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa Mqaddsa. Imma t-tifkira li ssir mal-Knisja fid-dinja kollha hi proprju llum. Illum aħna nħarsu lejn Marija, u naraw Marija li tbati. Taħt is-salib Marija qed tbati ma’ binha. Kull sofferenza ta’ Ġesù dak il-ħin qed tidħol ukoll fiha. Jekk jinsultaw lilu, hi tħoss ukoll l-insulti tagħhom indirizzati lejha. Jekk iweġġa’ hu, tweġġa’ hi wkoll. Dik hi l-omm li tbati ma’ binha. U hi waħda mill-akbar tbatijiet meta omm issofri t-telfa ta’ binha. Imma aktar minn hekk, Marija tbati mhux biss għax Ġesù qed imut imma għax taf li binha ma għamel xejn ħażin, anzi għamel biss il-ġid, qed joqtluh, u qed jagħmlu dan nies li qalbhom mimlija kefrija. Hu vittma tal-vjolenza, ta’ qalb korrotta.
Aħna nafu li Marija batiet ħafna. U batiet mhux biss taħt is-salib – hemmhekk, biex ngħid hekk, il-milja tat-tbatija tagħha – imma batiet ħajjitha kollha, mill-bidu nett meta l-Anġlu Gabriel deher lilha u hi ma setgħetx tifhem imma aċċettat li tkun omm Alla, ladarba ġejja minn Alla. Hemmhekk Marija qalet dik is-sentenza importanti: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) U kien dan li mexxieha dejjem f’kull mument ta’ tbatija tal-ħajja tagħha. Aħna nafu kemm batiet: batiet biex twelled lil binha, ma kellux fejn jitwieled; batiet meta ntilef fit-tempju; batiet meta ratu vittma ta’ tant nies li jobogħduh. Tbatija ħajjitha kollha, anzi lil Marija iktar narawha fil-mumenti ta’ tbatija ta’ Ġesù milli fil-mumenti ta’ glorja, bħal meta kien fuq it-Tabor fit-Trasfigurazzjoni tiegħu, jew fid-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalemm.
Marija hi hemm fil-mumenti ta’ tbatija. U dan ifisser għalina li Marija hi dik li tifhimna fit-tbatija tagħna, għax hi batiet ħafna. Tifhem, għalhekk, x’jiġifieri meta aħna nbatu. Dan hu l-messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna lkoll: Marija hija dik l-omm li tana Ġesù biex tista’ takkumpanjana fil-mumenti kollha ta’ ħajjitna, u billi hi għaddiet minn tant tbatija, tista’ tassew tifhimna. Hawnhekk qegħdin aħna fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Dal-post jara tant sofferenza: in-nies li jiġu hawn għall-kura, in-nies li jagħtu s-servizz tagħhom, li jaħdmu hawn, il-familjari ta’ dawk li jkunu qegħdin hawn, u dawk b’xi mod jew ieħor midħla ta’ dal-post. Hawn dal-post jara tant tbatija. Imma fl-istess waqt, hawn jara tant imħabba.
Marija hija dik l-omm li takkumpanja lilna fit-tbatija. Ġesù tahielna wkoll bħala l-omm li tgħallimna nakkumpanjaw lil dawk li qed isofru. Meta narawha, bħalma rajnieha fl-Evanġelju, wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, mhix qed narawha titkellem jew tagħmel ħafna affarijiet; imma hi preżenti, qiegħda hemm. Hi tfakkarna li ħafna drabi l-preżenza tagħna li hi importanti ma’ min qed ibati. Kultant ma tistax tgħid ħafna xorti, anzi kultant aktar ma tgħid agħar, imma hi l-preżenza tagħna li hi preżenza ta’ mħabba, preżenza ta’ kompassjoni, preżenza li tfisser ħafna għal dawk li qed ibatu.
Ejjew llum, fit-tifkira tal-Verġni Mqaddsa tad-Duluri, minn dan il-post li jara tant sofferenza imma jara wkoll tant imħabba fis-servizz u fil-qadi, nitolbu lil Marija: kompli kun dik l-omm li takkumpanjana fil-ħajja tagħna, speċjalment fil-mumenti l-aktar iebsa; u għallimna kif aħna, bl-istess spirtu tiegħek, nakkumpanjaw lil dawk li qed ibatu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju