Il-Kappillan ta’ Wied il-Għajn Fr Luke Cutajar stqarr li fil-parroċċa tagħhom qed ikun hemm ħafna adulti barranin li qed ifittxu li jiskopru aktar dwar il-fidi tagħhom u jitgħammdu fosthom Ċiniżi, Filippini u Pakistani. Oħrajn jirċievu s-sagrament tal-Griżma f’età kbira.
Hu qal dan meta kien qed jieħu sehem fil-programm What’s On Newsbook li jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa wara l-bullettin tal-12pm fuq RTK103.
Din kienet is-seba’ darba li ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Santo Niño f’Wied il-Għajn. Din hija festa tradizzjonali li ssir fit-tielet Ħadd ta’ Jannar. Fr Victor Agius, id-Direttur tal-MISSIO Malta, għamel madwar 40 sena fil-Filippini għaldaqstant kien ta’ sapport biex dawn il-Kristjani jiċċelebraw ukoll il-festa tagħhom permezz taż-żfin, il-kant u anke jieħdu l-ikel biex jaqsmuh mal-kumplament tal-Iskaliżi u dawk preżenti.
“Dan il-ġest ta’ qsim, hu sabiħ għax juru li huma komdi u milqugħa f’din il-komunità” stqarr Fr Luke filwaqt li kompla li jgħid li matul din is-sena attendew madwar 1,000 ruħ. Hu fakkar li Ġesù ġie għal kulħadd u kif attività bħal din turi s-sabiħ tal-Knisja.
L-intervista kollha:
Huma wkoll involuti fil-parroċċa Skaliża matul is-sena kollha. Nhar ta’ Ħadd fl-10:30am issir quddies bl-Ingliż u l-komunità Filippina tanima l-quddies bil-kant u darba f’xahar ikollhom ukoll laqgħa ta’ formazzjoni.
Minn Gabriel Lia
Sors: Newsbook Malta