-
Ħames Kandidati Ġodda għas-Saċerdozju
-
Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Marzu 2014, ħames seminaristi ser jitolbu lill-Knisja biex tilqagħhom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordni tad-Djaknonat u tal-Presbiterat waqt konċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. fil-Knisja Arċipretali ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta, fis-6:30pm.
Il-ħames seminaristi, li bħalissa jinsabu fil-ħames sena tal-formazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof, huma Sergio Fenech u Mark Mallia Pawley mill-Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi, Claude Mifsud mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta, James Saydon mill-Parroċċa ta’ Marija Bambina, in-Naxxar, u Gilbert Scicluna mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara.
Dakinhar, dawn il-ħames seminaristi ser jistqarru pubblikament li ser joffru lilhom infushom lill-Knisja biex aktar ’il quddiem ikunu jistgħu jservu fis-Saċerdozju Ministerjali permezz tas-Sagrament tal-Ordni Sagri. L-Arċisqof, f’isem il Knisja, ser ikun qed jilqa’ bil ferħ l offerta tagħhom u ser ikun qed jitlob lil dawn il-kandidati biex matul is-snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.
Il-komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn il ħames kandidati.