L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ħennu, tiġġudikawx, tikkundannawx, aħfru, agħtu. Dawn il-ħames kelmiet jgħid Ġesù llum fl- Evanġelju skont San Luqa. Id-diskors hu qasir ħafna, imma huma kelmiet li jfissru ħafna. Nafu li mhux faċli li dawn ngħixuhom fil-prattika. Imma jekk Ġesù dawn jgħidhom lid-dixxipli tiegħu, ifisser li hu possibbli li aħna ngħixuhom.

Ġesù jgħid: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Alla hu ħanin u twajjeb magħna. Nafu dak li qalet Marija fil-Magnificat: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50). Ġesù jrid li bħalma hu ħanin magħna, hekk aħna nkunu mal-oħrajn. Ifisser li fi kliemna u fl-attitudni tagħna, inkunu mimlija kompassjoni, ġentilezza, illi lesti nieqfu ma’ kull min għaddej minn tbatija u nwieżnu lil dawk li huma dgħajfa.

Ġesù jgħid: “Tiġġudikawx…tikkundannawx” (Lq 6:37). Nafu li dan mhux faċli, għax aħna f’moħħna kemm-il darba jiġi ġudizzju fuq ħaddieħor. Kultant mhux f’moħħna biss, imma ngħiduh ukoll fi kliemna; u nafu li l-ġudizzju faċli jwassal imbagħad għall-kundanna tal-oħrajn. Imma Ġesù qed jgħid: il-ġudizzju għandna nħalluh f’idejn Alla, għaliex aħna naraw dak li jidher minn barra, imma Alla ma jarax biss ta’ barra u lanqas jimpressjona ruħu bil-faċċata, imma jara ta’ ġewwa. Alla jagħraf il-qalb, Alla jaqra l-moħħ, u Alla jaf is-sitwazzjoni tal-persuna, iċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja. Għalhekk huwa hu li jista’ jagħmel verament ġudizzju tal-persuna. U meta qalilna biex ma niġġudikawx u ma nikkundannawx, qed jagħmlilna l-ikbar pjaċir għaliex hu li jista’ verament jiġġudika u, fejn hu l-każ, jikkundanna.

Issa jista’ jkun li meta nisimgħu dal-kliem – “tiġġudikawx… tikkundannawx” – jiġina f’moħħna: imma allura, jekk inti tara xi ħaġa ħażina, biex ma tiġġudikax u ma tikkundannax, għandek tagħlaq għajnejk, tagħlaq widnejk u tagħlaq ħalqek u toqgħod indifferenti? Le, mhux dan li qed jgħid Ġesù! Anzi, bħalma jurina Ġesù, jekk jien għandi responsabbiltà, u nara u naf li hemm dak li hu ħażin – bħall-korruzzjoni, il-frodi, is-serq minn taħt, il-qerq, l-abbuż – u ngħid “ma nikkundannax, ma niġġudikax, inħalli l-affarijiet għaddejjin”, jien inkun kompliċi ta’ dak li hu ħażin. Għalhekk, fejn naraw dak li hu ħażin, hi responsabbiltà tagħna li nitkellmu. L-istess, jekk aħna naraw il-qerda li qed iġġib fostna d-droga, ma nistgħux ngħidu “jien ma niġġudikax, ma nikkundannax, inħalli l-affarijiet għaddejjin” u ma naħdimx biex ma jkunx hemm vittmi tad-droga, jew vittmi tal-vittmi. Għalhekk Ġesù qed jgħid li għandna dejjem naħdmu kontra dak li hu ħażin, u fejn meħtieġ nitkellmu kontra dak li hu ħażin, imma l-ġudizzju tal-qalb tal-persuna quddiem Alla nħalluh f’idejn Alla.

Ġesù jgħid ukoll “aħfru” (Lq 6:37). Nafu kemm hi tqila kultant biex taħfer. Imma, kif għallimna Ġesù, il-maħfra mhijiex sempliċiment għax tħoss. Int tista’ tħoss minn ġewwa antipatija lejn persuna, jew tħoss għax jagħmlulek il-ħsara, imma tgħid: minkejja dak li nħoss, jien irrid naħfer, ma rridx nagħmel vendikazzjoni għal dak li rċevejt, ma rridx inpatti deni b’deni, jien irrid nitlob għal min għamilli l-ħsara. L-istess, il-maħfra ma tfissirx li ma ssirx ġustizzja fis-soċjetà. Tfisser li ssir ġustizzja, imma li twassal mhux għall-vendikazzjoni tal-persuna, imma għat-trasformazzjoni tal-persuna.

Ġesù jgħid ukoll “agħtu” (Lq 6:38). Irid li aħna f’ħajjitna ma nfittxux lilna nfusna, jew li l-ħin kollu niġbdu lejna, imma lesti li nagħtu speċjalment lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Dan bħalma għallimna hu li ħajtu kollha kienet għotja ta’ mħabba. Hekk jixtieq minna wkoll.

Nitolbu lill-Mulej illum li dal-kliem li qalilna, li mhux faċli imma possibbli, hu jagħtina l-għajnuna u l-qawwa biex ngħixuh fil-ħajja tagħna, għax meta ngħixuh, żgur ikollna f’qalbna l-paċi tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju