L-Arċisqof Pawlu Cremona OP nhar il-Gimgħa, 27 ta’ Novembru 2009, se jmexxi ċelebrazzjoni Ewkaristika li fiha ħames seminaristi se jingħataw il-Ministeru tal-Akkolitat. Il-funzjoni se ssir fil-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju, Floriana, fis-6.30pm.
Il-ħames seminaristi, li jinsabu fis-sitt sena tal-kors tas-Seminarju huma Stephen Attard mill-Mosta, Rene’ Antoine Cilia mill-parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, Nicholas Dimech mis-Siġġiewi, Stephen Magro minn Ħaż-Żabbar, David Torpiano mill-Floriana.
L-għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat jimmarka pass ieħor fil-mixja tal-erba’ żgħażagħ lejn is-saċerdozju. Bħala akkoliti huma se jingħatalhom l-uffiċċju li jgħinu lis-saċerdot u lid-djakni fil-qadi tal-ministeru tagħhom, iqarbnu lil ħuthom l-insara, fosthom ukoll lill-morda, jitħeġġu fl-imħabba personali tagħhom lejn l-Ewkaristija, u fuq kollox jgħixu b’ mod li jkun jixirqilhom iservu fil-mejda tal-Mulej u tal-Knisja.
Rene’ Antoine Cilia kkummenta li permezz tal-ministeru tal-Akkolitat se jiġi enfasizzat is-sens ta’ għotja tiegħu nnifsu li jaffetwa kull aspett ta’ ħajtu sal-punt li jsir rigal għall-oħrajn.
Il-Komunita’ tas-Seminarju tħeġġeg lil kulhadd biex jitlob għal aktar vokazzjonijiet u biex il-Mulej ibierek lis-seminaristi kollha sabiex il-Knisja jkollha fi ħdanha ragħajja skont il-qalb t’Alla.