L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Bagħatni ndewwi l-qalb miksura” (Iż 61:1). Dan il-kliem tal-Profeta Iżaija jseħħ illum aħna u nisimgħu għaliex qegħdin inkomplu l-missjoni ta’ Ġesù. Il-jum ta’ Ġesù huwa dejjem magħna. Din il-kitba tal-Profeta Iżaija, li Ġesù jaddotta bħala kitba programmatika għalih, issir ukoll il-programm tal-ħidma tagħna u tal-preżenza tagħna fost il-poplu.
“Bagħatni ndewwi l-qalb miksura”. Aħna nafu li l-ħajja tlaqqagħna ma’ tant qlub li huma maqsuma u mhux biss miksura, anke fostna, forsi minħabba kelma żejda ta’ xi ħadd minna. Aħna wkoll kultant nidinbu billi ngaraw il-ġebel lil xulxin. Ġesù rrifjuta li jgara l-ġebel. Quddiem in-nies għorrief tal-Liġi li akkużaw lill-mara adultera maqbuda fil-fatt, inflagrante kif ngħidu, qalilna kelma li hemm bżonn niftakruha dejjem: “Min hu bla ħtija jitfa’ l-ewwel ġebla” (Ġw 8:7).
“Bagħatni ndewwi l-qalb miksura”. Aħna u nikkonsagraw iż-żjut, qegħdin nagħtu bidu ġdid lill-Knisja, li ssib il-qofol tiegħu fil-velja l-kbira tal-Għid meta jitbierek l-ilma, jitbierek in-nar, noffru l-Ewkaristija mill-ġdid wara s-sawma tal-Ġimgħa l-Kbira. Aħna rridu nifhmu li fil-kuntest tal-pandemija li reġgħet laqgħtet it-tieni Għid in fila, aħna rridu nkunu preżenza ta’ fejqan. Il-Mulej jibagħatna ndewwu l-qalb miksura.
Ta’ min naħsbu kemm-il darba l-kliem u l-atteġġjament tagħna, xi responsum li nfajru, li minflok idewwi l-qalb miksura, jiksirha iżjed. Ta’ min nifhmu b’liema kliem qegħdin inkellmu lill-poplu għażiż tagħna, b’liema mod qegħdin inwasslulu dak li suppost tkun aħbar tajba. Min jiltaqa’ magħna jieħu qatgħa xħin jarana ġejjin jew jieħu r-ruħ?
Illum, aħna u nikkonsgraw iż-żjut tal-katekumeni li jsaħħaħ lill-ħutna li qegħdin jippreparaw għall-magħmudija, li jdewwi u jsaħħaħ lil ħutna mifnija mill-mard u li huma msejħa biex ikunu kurċifiss ieħor fostna. Illum ukoll nikkonsagraw iż-żejt tal-griżma, iż-żejt tal-ferħ. “Nagħtihom kuruna flok irmied, żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-viżtu” (Iż 61: 3). Dan iż-żejt tal-ferħ huwa żejt li jagħti l-paċi tal-Mulej, li jissinjifika l-fwieħa tal-preżenza tiegħu, “li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu” (Apok 1:5), imma li ma stmerrx jiċċappas magħna. Il-Mulej, fil-misteru tal-inkarnazzjoni tiegħu, iċċappas magħna. ‘Ma’ dak se tiċċappas int?’ Hu għażel li jiekol mal-midinbin, li jissieħeb magħhom għax ġie bħala tabib u t-tabib għandu bżonnu min iħoss li hu marid mhux min jifhem jew jippretendi li hu b’saħħtu. “Bagħatni ndewwi l-qalb miksura,” imma anke aħna għandna bżonn min idewwina.
Jiem ilu kien hemm xi ħadd li bagħatli imejl — fost il-ħafna li nirċievi — u kkwotali silta minn kanzunetta tal-kantawtur Kanadiż Leonard Cohen, kanzunetta li ma kontx naf biha. Leonard Cohen huwa dak li kiteb il-kanzunetta Hallelujahli l-għarajjes iħobbuha ħafna u tismagħha fit-tiġijiet. Imma meta mbagħad fittixt dwaru, sirt naf li fl-1992 Cohen kiteb ukoll il-kanzunetta li jisimha Anthem u għandha refrain li laqgħatni ħafna. Min bagħathieli kien qed jiċċelebra żwieġ imma f’mument ta’ diffikultà. Qalli: “Father, ħa naqsam miegħek dan ir-refrain ta’ din il-kanzunetta li lili jagħtini kuraġġ anke fil-mumenti ta’ diffikultà li għaddej minnhom”. Leonard Cohen jgħid hekk:
Ring the bells that still can ring,
Forget your perfect offering;
There is a crack, a crack in everything.
That’s how the light gets in.
Aħna llum qed inġeddu l-wegħdiet tas-saċerdozju tagħna. Min jaf kemm kellna entużjażmu u idealiżmu dikinhar tal-ordinazzjoni tagħna. Il-bieqja tagħna kienet għadha sħiħa, the perfect offering, imma maż-żmien tixxellef, jekk ma tinkisirx ukoll, u mbagħad ikollna nippruvaw inwaħħluha kemm jista’ jkun malajr. Cohen jagħti dan il-messaġġ li huwa messaġġ ta’ tama wkoll: ħu paċenzja bik innifsek, tiskandalizzax bid-dgħufija tiegħek, bil-waqghat tiegħek. Bħalma jgħid il-Papa Franġisku fl-ittra straordnarja Patris Corde, fejn jgħid li“aħna għandna bżonn inħarsu anke lejn il-fraġilità tagħna b’tenerezza, bi ħlewwa” għax hekk ikollna wkoll il-qawwa, l-umiltà u l-kuraġġ inħarsu b’tenerezza lejn il-fraġilità ta’ tant nies li Alla jlaqqagħna magħhom.
There is a crack, there is a crack in everything. Kull bieqja ta’ kull bniedem, ta’ kull persuna hija mxellfa. That’s how the light gets in. X’inhu dan id-dawl? Dan id-dawl huwa l-ħniena tal-Mulej li tgħaddi minn dawk ix-xquq tal-ħajja tiegħi, tal-bieqja tiegħi.
Illum, aħna u nġeddu l-wegħdiet tas-saċerdozju u nikkonsagraw iż-żjut li jbierku lill-poplu qaddis tagħna, niftakru li l-fedeltà tagħna hija dejjem opra tal-ħniena tiegħu, li aħna midjunin mal-ħniena tal-Mulej. Imma dil-ħaġa m’għandhiex tfixkilna jew tiskandalizzana. Anzi, dik il-ħniena hija t-triq li twassalna għall-ġenna. Aħna nersqu lejn il-Mulej li llum irid itaffi l-mard tagħna, id-dwejjaq tagħna, irid idewwi l-qalb miksura tal-poplu tagħna. Imma aħna nersqu lejh bħala nies li għandna bżonn l-imħabba; nersqu lejh bil-għatx kollu li hemm fina f’ruħna, fil-psike tagħna, u f’ġisimna għall-imħabba.
Versi oħra snieħ mill-innu ta’ Leonard Cohen jgħidu hekk: Every heart, every heart to love will come, but like a refugee. Aħna nixxenqu għall-imħabba tal-Mulej imma aħna refuġjati; għaddejna mid-deżert tal-umiljazzjoni, tat-tfixkil, tal-kontradizzjonijiet u qed nixxenqu għall-imħabba tal-Mulej li tfejjaq.
Ring the bells that still can ring,
Forget your perfect offering;
There is a crack, a crack in everything,
That’s how the light gets in.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 61:1-3a.6a.8b.9
Salm: 88 (89), 21-22.25.27
Qari II: Apok 1:5-8
Evanġelju: Lq 4:16-21