• “F’Alla biss il‑mistrieħ ta’ ruħi.” Dawn il‑kliem mis‑Salm 62 jesprimu l‑fidi tal‑Knisja u tan‑Nisrani quddiem il‑misteru tremend tal‑mewt. Il‑preżenza tagħna hawnhekk illum hija espressjoni tal‑istess fidi. “Nemmen fil‑qawma mill‑imwiet, fil‑ħajja ta’ dejjem. Ammen.”

    Inġbarna llum biex noffru s‑sagrifiċċju tal‑Quddiesa b’suffraġju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il‑talb tal‑Knisja huwa mwieżen minn realiżmu kbir dwar il‑kundizzjoni umana. Kull wieħed u waħda minna jersaq kuljum lejn il‑mewt ta’ bniedem li hu, bil‑preġji u d‑difetti tiegħu. Tgħodd għalina lkoll it‑talba ħerqana ta’ San Ġorġ Preca: “Ħenn għalija qabel tiġġudikani.” Aħna u nitolbu lil Alla biex jagħti l‑mistrieħ ta’ dejjem lil Daphne, nitolbu wkoll biex iħenn għaliha.

    Fil‑ħajja ta’ kull bniedem tiġġedded b’mod drammatiku t‑taqtigħa bejn it‑tajjeb u l‑ħażin li dwarha smajna fit‑Tieni Qari mill‑Ktieb tal‑Apokalissi: “Imbagħad qamet gwerra fis‑sema: Mikiel u l‑anġli tiegħu jitqabdu mad‑Dragun.” Ir‑rebħa tat‑tajjeb fuq il‑ħażin hija dejjem imfissra fl‑isem tal‑Arkanġlu: Mikiel – ‘min hu bħal Alla?’. L‑għadu tat‑tajjeb, “id‑Dragun”, “id‑Demonju u x‑Xitan” huwa mfisser bħala “il‑qarrieq tad‑dinja kollha”, “Dak li jixlu ’l ħutna”. Huwa wkoll imsejjeħ, “Missier il‑Gidba” u “Qattiel”.

    Inġbarna biex nitolbu għal Daphne li sefgħet vittma ta’ vjolenza qattiela li ħasdet ħesrem il‑ħajja ta’ mara, ta’ omm, ta’ ġurnalista. Il‑preżenza tagħna trid tkun ukoll messaġġ ta’ solidarjetà ma’ żewġha Peter, ma’ wliedha Matthew, Andrew u Paul, mal‑ġenituri tagħha u ma’ ħutha, ma’ qrabatha u l‑ħbieb tagħha.

    S’issa ma nafux min qatel lil Daphne. Lil kull min ħa sehem, b’mod jew ieħor, fil‑qtil ta’ Daphne jien ngħidlu: Taħrab kemm taħrab mill‑ġustizzja tal‑bnedmin, mill‑Ġustizzja ta’ Alla ma taħrabx. Indem qabel ikun tard wisq.

    Taħrab kemm taħrab mill‑ġustizzja tal‑bnedmin, mill‑Ġustizzja ta’ Alla ma taħrabx. Indem qabel ikun tard wisq.

    Lill‑ġurnalisti, kollegi ta’ Daphne, ngħidilhom, kif diġà għedtilhom, biex ma jibżgħux. Inħeġġiġhom biex qatt ma jgħejjew fir‑rwol tagħhom li jkunu l‑għajnejn u l‑widnejn u x‑xofftejn tal‑poplu mingħajr biża u b’rispett sħiħ lejn il‑verità. Għeżież ġurnalisti, aħna għandna bżonnkom. Għandna bżonnkom ħielsa, intelliġenti, inkwiżittivi, onesti, sereni u protetti.

    Lil ulied Daphne, Matthew, Andrew u Paul, nixtieq inwassal messaġġ partikolari ta’ kuraġġ. Illum tafu li l‑mamà tagħkom kellha użanza li meta tkun barra minn Malta u żżur xi knisja, kienet tixgħel xemgħa għal kull wieħed minnkom: it‑talba silenzjuża ta’ omm għal uliedha. Ftakru fil‑kliem tal‑Evanġelju li qrajna llum: “Min jagħmel is‑sewwa jersaq lejn id‑dawl.” L‑għażiża mamà tagħkom mietet mewta krudili minn id moħbija ta’ xi ħadd li ħabb id‑dlam aktar mid‑dawl għax l‑għemil tiegħu kien ħażin. Qisu li tkunu wlied id‑dawl.

    Lil ħuti Maltin ngħidilhom biex nibżgħu għal xulxin. Jalla jieqaf id‑diskors iebes li permezz tiegħu niddemonizzaw lil xulxin u niddisprezzaw lil xulxin. Jalla ngawdu l‑libertà vera u l‑prosperità fis‑solidarjetà. Ħares Mulej lil din l‑art ħelwa. “Ħares, Mulej, kif dejjem int ħarist”.

      Charles J. Scicluna
          Arċisqof ta’ Malta


    Il-Qari tal-Quddiesa:

    Koħelet 3, 1-11; 14-18a
    Salm 62
    Apokalissi 12, 7-12
    Ġwanni 3, 16-21