Il-Papa Benedittu XVI ħatar mexxejja ġodda f’diversi dipartimenti fil-Vatikan. Innomina lill-Kardinal Kanadiż Marc Ouellet ta’ Quebec bħala Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet. Dan, ta’ 66 sena, se jmexxi l-uffiċċju li jassisti lill-Papa fl-għażla tal-Isqfijiet tad-djoċesijiet tar-rit latin madwar id-dinja. Qed titqies bħala l-ewwel darba li qed issir għażla ta’ kardinal mill-Amerika ta’ Fuq biex imexxi din il-Kongregazzjoni. Ouellet, li qed jieħu post il-Kardinal Taljan ta’ 76 sena, Giovanni Battista Re, mhuwiex wiċċ ġdid għal Ruma jew għall-Kurja ta’ Ruma. Huwa studju f’Ruma u rritorna hemm jgħallem fl-1996. Sena wara nħatar Ċermen tat-Teoloġija Dommatika fl-Istitut Ġwanni Pawlu II għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u l-Familja.

Il-Papa innomina wkoll lill-Arċisqof Taljan  Rino Fisichella biex ikun President tal-aġenzija maħluqa riċentament – il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-ġdida. Biex jieħu post l-Arċisqof Fisichella bħala President tal-Akkademja Pontifiċja favur il-Ħajja, il-Papa nnomina lill-Ispanjol, membru tal-Opus Dei, Mons Ignacio Carrasco de Paula. In-nomini saru fi tmiem ix-xahar ta’ Ġunju. Fi ftuħ ix-xaha ta’ Lulju, intant, il-Papa innomina lill-Isqof Svizzeru Kurt Koch bħala President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda Nisranija, biex jieħu post il-Kardinal Ġermaniż Walter Casper li ilu jmexxi dan il-Kunsill sa mill-2001.

VATICAN CITY (CNS)