Il-Papa Benedittu XVI ħatar lill-Arċisqof Mauro Piacenza, ta’ 66 sena, Segretarju tal-Kongregazzjoni tal-Kleru, bħala Prefett tal-istess Kongregazzjoni. Komunikat tal-Vatikan irraporta li l-Papa ħatar ukoll lill-Arċisqof Robert Sarah, ta’ 65 sena, Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli, bħala President tal-Kunsill pontifiċju Cor Unum.
L-Arċisqof Piacenza ħa post il-Kardinal Claudio Hummes, ta’ 76 sena, li rtira għal raġunijiet ta’ eta. Mal-aħbar tan-nomina tiegħu, l-Arċisqof Piacenza qal lil Zenit li se “naħdem qatigħ għall-ikbar ġid tal-kleru u tal-Knisja, mingħajr ma npoġġi xejn qabel l-imħabba ta’ Kristu”. Huwa ssottolinea l-ħtieġa tal-edukazzjoni tal-kleru, kemm inizjali u anki dik kontinwa.
Piacenza twieled f’Genoa l-Italja u kien ordnat saċerdot fl-1969. Huwa serva fil-Kongregazzjoni tal-Kleru sa mill-1990. Fl-1997 inħatar maniġer fl-uffiċċju u fis-sena 2000 sotto-segretarju. Fl-2003, huma nħatar President tal-Kummissjoni għall-Wirt Kulturali tal-Knisja. Inħatar Isqof fl-istess sena, biex imbagħad sena wara sar President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Aarkeoloġija Sagra. Fl-2007 sar Segretarju tal-Kongregazzjoni tal-Kleru.
Intant, l-Arċisqof Sarah qed jieħu post il-Kardinal Paul Josef Cordes, ta’ 76 sena, bħala mexxej tal-Kunsill Pontifiċju Cor Unum. Imwieled f’Ourous fil-Guinea, Robert Sarah kien ordnat saċerdot fl-1969, Isqof fl-1979. Fl-2001 inħatar Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli.