L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ħieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru” (Mt 24:46). Dan hu l-kliem li smajna lil Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju llum, meta qed jispjegalhom il-mument li l-Mulej isejħilhom għal għandu. Ġesù jgħid kemm hu importanti li aħna naqdu dmirna, u li l-Mulej, meta jsejħilna, isibna qed naqdu dmirna.
Jista’ jkun li meta nisimgħu l-kliem ta’ Ġesù, speċjalment l-aħħar parti tal-Evanġelju llum, naħsbu li l-kliem tiegħu qabbdek il-biża’. Speċjalment meta nisimgħu il-kliem “biki u tgħeżżiż tas-snien” (Mt 24:51). Aħna għandna nibżgħu waqt li nistennew il-jum li fih Ġesù jsejħilna għal għandu? Ir-risposta jagħtihielna Ġesù stess. Le, ma għandniex nibżgħu, jekk aħna nfittxu li naqdu dmirna, u jekk aħna nfittxu li nkunu, bħalma jsemmi hawnhekk Ġesù, qaddejja fidili u għaqlin. Ma għandniex nibżgħu, u fil-fatt Ġesù jsemmi kemm ikun ħieni “dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru”. Ikun ferħan. Hekk smajna wkoll fl-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin: “Niżżu ħajr lil Alla għall-ferħ kollu li għandna minħabba fikom” (1 Tess 3:9).
Mela aħna, l-ewwel ma rridu niftakru, hu dan: jekk aħna bis-serjetà nippruvaw ngħixu kif irid Alla, ma għandniex għalfejn nibżgħu, ma għandniex għalfejn nimtlew bid-dwejjaq. Anzi, inkunu ferħanin u fil-paċi tal-Mulej.
Importanti li, kif semma hu, naqdu dmirna. Jista’ jkun li nistaqsu: dmirna x’inhu? Per eżempju, min qiegħed hawn residenti f’din id-dar, Villa Messina – qed niċċelebraw illum is-27 anniversarju mill-ftuħ ta’ din id-dar – hawn min ilu mhux ħażin, hawn min ġie aktar reċenti. Nistaqsu: x’inhu d-dmir tagħna hawnhekk? X’nistgħu nagħmlu aħna?
Ħa nsemmi dak li nistgħu nagħmlu aħna lkoll. L-ewwel nett, nitolbu. Kemm hu importanti li nitolbu bil-qalb. Meta nitolbu, aħna nirċievu l-ħajja mingħand Alla, nirċievu l-imħabba mingħandu, biex nistgħu naqsmuha mal-oħrajn. L-isbaħ talba hi l-quddiesa, għax għandna l-preżenza reali ta’ Ġesù, u Ġesù jiġi wkoll fina u jberikna. Meta nitolbu, qed naqdu dmirna, kif qal hawn Ġesù: “Ħieni dak il-qaddej li sidu jiġu u jsibu jaqdi dmiru”.
Imbagħad, b’riżultat ukoll tat-talb tagħna, infittxu li ngħixu f’imħabba kbira lejn l-oħrajn. Dak ikun l-isbaħ li nistgħu nagħmlu. Kif qal San Pawl fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin: “Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd” (1 Tess 3:12). Hi l-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd.
Kif tafu, l-imħabba tintwera l-ewwel fl-affarijiet iż-żgħar. Fil-kliem tagħna – li jkun kliem li jagħmel il-ġid, kliem li jġib il-paċi, kliem li juri li int jimpurtak u kliem li jagħti attenzjoni lil min hu fil-bżonn. Dik hi l-imħabba, li nistgħu ngħixu, inkunu fejn inkunu – min qiegħed fil-kamra, u ma jistax joħroġ; min jista’ jiġi sa hawn jew postijiet oħra fid-dar, min qiegħed residenti u min qiegħed jagħti servizz hawn, jew qraba tar-residenti. Meta aħna nfittxu li ngħixu l-imħabba, dak li nagħmlu jkollu valur kbir. Anke l-affarijiet iż-żgħar ikollhom valur tal-ħajja ta’ dejjem.
Dan hu l-kliem li Ġesù qal: isibna naqdu dmirna. Għax l-akbar kmandament li tana hu l-kmandament tal-imħabba lejh u lejn l-oħrajn. Kemm ikun sabiħ jekk aħna ngħixu b’dal-mod kull jum tal-ħajja tagħna!
Imbagħad, meta l-Mulej isejħilna, inkunu ppreparati għaliex użajna tajjeb iż-żmien li tana hawn. Hawn Ġesù jgħid: “ishru” (Mt 24:52). Jiġifieri: inkunu ppreparati. Imma nippreparaw ruħna bil-mod kif ngħixu s-snin tagħna. Min aktar u min inqas – kif tafu, mhux in-numru tas-snin li jgħodd, imma kif tgħixhom. L-importanti hu li ż-żmien li jagħtina Alla, li hu rigal tiegħu, nagħmluh żmien sabiħ ta’ mħabba kbira lejh u lejn l-oħrajn.
Waqt li niċċelebraw is-snin ta’ din id-dar, u niċċelebraw dawk kollu li għexu hawn tul is-snin, u dawk li taw u qed jagħtu s-servizz f’ħidma f’din id-dar, nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: biex aħna naqdu dmirna bil-fedeltà u bil-għaqal – dawk iż-żewġ kelmiet li jenfasizza Ġesù fl-Evanġelju llum – biex innisslu l-imħabba, ħalli nkunu tassew hawnhekk dar fejn hemm ħafna għożża u mħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju